Lokali

Telqa u abbandun fl-Addolorata

Siġar li waqgħu fuq oqbra, numri u ittri li jindikaw spazju ta’ oqbra misruqin, tankijiet taż-żibel li jdumu ma jitnaddfu minbarra li jkunu mikxufin bi fdalijiet ta’ ħwejjeġ fihom.

Dan hu l-istat li jinsab fih iċ-ċimiterju tal-Addolorata. Telqa kullumkien. Dwaru kienet anke tkellmet ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg f’Jannar tas-sena l-oħra. Iżda minn dakinhar sa llum il-ġurnata għadu ma sar xejn. Dak iż-żmien Ministru għas-Saħħa kien hemm Konrad Mizzi li qatt m’għamel xi forma ta’ inkjesta dwar għaliex iċ-ċimiterju tal-Addolorata tħalla f’dak l-istat li għadu fih sa llum il-ġurnata.

Minn naħa tagħha x-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg ilha tisħaq biex il-Ministeru tas-Saħħa, li hu politikalment responsabbli miċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, għandu jintervjeni minnufih biex jara li jinbeda t-tindif li hemm bżonn li jsir ta’ kuljum, filwaqt li jinbeda wkoll ir-restawr li hemm bżonn biex l-arkitettura imprezzabbli li hemm tiġi salvata qabel ma jkun tard wisq.

Net News jirċievi kontinwament telefonati u kummenti ta’ nies li jżuru lill-familjari u l-qraba tagħhom fiċ-ċimiterju u jilmentaw li l-post hu f’telqa totali tant li hu tal-mistħija li l-post fejn hemm l-għeżież tagħhom, li ħallew din id-dinja, hu abbandunat.