Futbol Sport

Tħalli lil ħadd jgħidlek li ma tistax tasal – Myles Beerman

Wara li lbieraħ lagħab għat-tieni darba mill-bidu fil-Premiership Skoċċiż fir-rebħa ta’ 3-0 ta’ Rangers fuq Aberdeen, iż-żagħżugħ Myles Beerman tkellem għall-ewwel darba mal-media lokali f’kumment esklussiv lil Replay. Beerman ta l-ewwel reazzjoni tiegħu.

“Hu mument li ilni noħlom bih u li nixtieq u naħdem għalih u nagħmel sagrifiċċji u nagħmel kollox biex nasal f’mument bħal dan. Ġietni opportunità kbira, il-captain u l-left back tat-tim kien imweġġa’ u għajtuli u kelli nieħu ċ-ċans u nibqa’ għaddej kif jien.

Kienet reazzjoni sabiħa, anki l-fatt li l-kowċ wera fiduċja u kunfidenza fija, u qbadt u kkonċentrajt bħal ma kont nagħmel f’kull logħba li kont nilgħab mar-reserves u għidt hi logħba normali u ħadtha hekk.”

Beerman tkellem fuq il-kultura ta’ pajjiżna fejn qal li “aħna l-Maltin għandna l-potenzjal u għandna kwalunkwe talent biex naslu barra u jkollna karriera tajba u n-nazzjonal jitjieb billi plejers jibdew jilagħbu barra aktar, imma aħna għandna kultura li ngħidha onestament, “soft” ħafna, kulħadd irid ix-xewqa li jkun professjonali barra, imma ħadd ma jrid jagħmel is-sagrifiċċji, u sagriffiċji kbar. Jien nammetti li għamilt iljieli fejn kont nibki waħdi, mhix sabiħa, imma kelli ngħaddi minn dan l-affarijiet biex nibqa’ nistinka u għaddej. L-ewwel ħaġa li trid tinbidel hi l-mentalità Maltija u kif inħarsu lejn il-futbol u kif inħarsu biex naslu sal-ogħla livell ta’ futbol possibbli u fi kwalunkwe sport ukoll.

Mistoqsi mill-preżentatur Christian Micallef biex jgħaddi messaġġ lil dawk li jixtiequ verament li l-ħolma ssir realtà, Beerman għadda dan il-messaġġ:

“Il-messaġġ tiegħi hu sempliċi u qasir mingħandi. Tħalli lil ħadd li jgħidlek li ma tistax tasal. Għamel dak li taf int u kun kunfidenti fik innifsek u fl-abbiltà tiegħek. Se jkollok tagħmel sagrifiċċji u affarijiet li ma tixtieqx tagħmel. Ħa jkollok ma toħroġx Paceville, ma tarax il-familja u tagħmel ħafna affarijiet li taħseb li huma sbieħ imma fil-futur, tħares lura kemm nixtieq li ma għamiltx hekk. Trid tmur u taqbad u tagħmel dak kollu li ħa jgħinek fil-futbol u meta tiġik l-opportunità li tiġik biex tmur barra, ma tagħmilx differenza kemm għandek żmien, bl-għajnuna tal-familja, tal-futbol Malti u l-MFA, morru u għamlu dak li tixtiequ.”

L-intervista sħiħa tixxandar illejla fis-7.30pm fil-programm Radjofoniku Replay Ikompli fuq Radio 101.