Lokali

Wirja tal-Passjoni fil-Għargħur

Id-daħla ta’ Kristu f’Ġerusalemm u t-tradiment ta’ San Pietru huma żewġ statwi li ma narawhomx daqshekk sikwit f’wirjiet u purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn flimkien ma’ 16-il statwa oħra jinsabu esibiti f’dawn il-ġranet fil-Maħżen tal-armar fil-Għargħur, f’wirja imtella’ mill-Parroċċa tal-Għargħur permezz tal-Kumitat tal-Festa. F’din il-wirja nsibu wkoll sepulkru maħdum mill-injam li nħadem apposta għal din l-okkażżjoni.

Dennis Spiteri li ħa ħsieb din il-wirja flimkien ma’ Joe Zarb u James Lupi Spencer spjegalna kif il-preparazzjoni għal dan il-wirja tibda aktar minn xahar qabel u hi parti żgħira mill-ħidma li jwettaq il-Kumitat tal-Festa immexxi mill-Kappillan tal-Parroċċa.

Il-wirja jisimha ‘Eloi, Eloi, Lama Sabacthani?’ u qed tkun miftuħa kuljum bejn il-17.00 u t-20.00 u tiftaħ ukoll mid-9.00 sa 12.00 u filgħaxija f’Ħadd il-Palm, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.

L-istatwi esibiti huma propjetà ta’ Bertu Zarb u Dennis Spiteri u huma maħduma minn Louis Gauci, Charlie Vella u Lawrence Baldacchino. Id-dħul għal din il-wirja huwa mingħajr ħlas.