Sport Sport Ieħor

446 parteċipant fl-24 edizzjoni tal-Guess Easter Meet tal-Għawm

Din l-edizzjoni se tkun l-24 waħda (Ritratt: Martin Agius)

Bejn l-20 u t-22 ta’ April, se jkun organizzat l-24 edizzjoni tal-Guess Easter Meet fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Joe Caruana Curran qal li bħala assoċjazzjoni jinsabu kuntenti bil-parteċipazzjoni f’din il-Laqgħa hekk kif hemm total ta’ 446 għawwiem li se jieħdu sehem. Il-kompetizzjoni se jkollha ħames sessjonijiet, tibda l-Ħamis u tintemm is-Sibt fejn mistennija tipprovdi xenarju mill-isbaħ.

L-isponsor prinċipali għal din il-Laqgħa tal-Għawm, se jkun Guess, fejn il-President tal-ASA qal li l-kumpaniji qed isibu l-isport akwatiku bħala riklam tajjeb għalihom stess. B’kollox se jkun hemm 19-il tim li se jieħdu sehem fosthom tmien timijiet Maltin, bit-timijiet l-oħra ġejjin mill-Italja, Ċipru, il-Ġermanja, il-Gran Brittanja u l-Olanda.

Se jkun hemm total ta’ tmien kompetizzjonijiet, erba’ tan-nisa u erba’ tal-irġiel. Dawn huma l-Medley Indivdwali tal-400 metru, it-800 metru Free Style, l-1500 metru tal-Free Style, il-4×100 metru Free Style tan-nisa, u l-4×100 Medley tal-irġiel.

Is-Segretarju tat-tim Tekniku tal-Għawm David Bonello qal dan iservi tajjeb bħala riklam għall-għawwiema Maltin fix-xena internazzjonali. Hu qal li l-għawwiema l-kbar qed jużaw, din il-Laqgħa biex jippreparaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’San Marino.

Skont ir-riżultati li l-għawwiema jiksbu, se jkun deċiż it-tim li jikkompeti f’San Marino lejn it-tmiem ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju. Hu mistenni li jkun hemm bejn 10 u 12-il għawwiem u għawwiema, li hu l-akbar kontinġent tal-għawm għal dan il-logħob. Il-lista finali tal-għawwiema għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tkun deċiża fil-25 ta’ April.