L-Erbgħa jkomplu jintlagħabu l-ewwel legs tal-fażi tal-aħħar 8 taċ-Champions League. Fl-aktar logħba li tispikka se tkun dik fil-Ġermanja bejn Bayern Munich u Real Madrid. Fil-logħba l-oħra Atletico Madrid jilagħbu kontra ċ-champions Ingliżi Leicester City.
Il-logħba bejn Bayern u Real se tlaqqa’ lil Carlo Ancelotti, li hu kowċ ta’ Bayern Munich ma’ Zinedine Zidane, li llum-il ġurnata hu kowċ ta’ Real Madrid.
Dawn it-tnejn kienu jaħdmu flimkien meta Zidane kien l-assistent ta’ Ancelotti li f’dawn l-aħħar snin rebaħ iċ-Champions League mal-Merengues. Plejer li se jkun qed jilgħab kontra l-ekstim tiegħu se jkun Xabi Alonso.
Dan tal-aħħar fl-014 kien rebaħ iċ-Champions League ma’ Real qabel ma ffirma mal-klabb tal-Bavarja. Fuq in-naħa l-oħra Toni Kroos ta’ Real se jkun qed jilgħab ukoll kontra l-ekskollegi tiegħu.
Iż-żewġ timijiet għandhom żewġ plejers li dan l-istaġun qed jiskurjaw ammont kbir ta’ gowls. L-attakkant ta’ Bayern Robert Lewandowski dan l-istaġun skurja 38 gowl filwaqt li Cristiano Ronaldo ta’ Real skurja 26 gowl f’36 logħba. Fil-passat Ronaldo skurja erba’ gowls f’erba’ konfronti kontra Bayern u bla dubju se jkun theddida kbira għalihom.
Bayern se jkollhom il-morall għoli wara li fi tmiem il-ġimgħa għelbu lir-rivali Borussia Dortmund bi skor ta’ 4-1. Real Madrid kellhom konfront diffiċli kontra Atletico Madrid, konfront li ntemm fi draw ta’ 1-1.
Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-istatistika jinnota li Bayern se jkunu ġejjin minn 16-il rebħa konsekuttiva f’darhom f’din il-kompetizzjoni. Dan hu fil-fatt rekord ta’ din il-komeptizzjoni.
Bejn l-2002 u l-2012 Bayern rebħu tmien partiti minn total ta’ 14 li lagħbu kontra Real u b’hekk wieħed jista’ jgħid li l-Merengues llejla se jkunu qed jilagħbu kontra wieħed mill-aktar timijiet li kapaċi jtihom sfida.
Bayern se jkollhom lil Mats Hummels nieqes filwaqt li Real se jkollhom jgħaddu mingħajr Pepe u Varane.
Biex waslu sa hawn Bayern kienu eliminaw lil Arsenal filwaqt li Real eliminaw lil Napoli.
Leicester se jkunu qed jippruvaw ikomplu għaddejin bl-avventura fid-debutt tagħhom f’din il-kompetizzjoni hekk kif jilagħbu barra minn darhom kontra Atletico Madrid.
Minn naħa tagħhom Ateltico se jippruvaw jaslu, għal darba oħra, sal-finali, bit-tama li din id-darba jkunu huma li jirbħu t-tazza.
Fl-aħħar tliet snin Atletico waslu darbtejn sal-finali imma tilfuha kontra Real Madrid, tim li ironikament lagħbu kontrih nhar is-Sibt li għadda u ġew draw 1-1.
Leicester, li issa qegħdin taħt it-tmexxija ta’ Craig Shakespeare, fi tmiem il-ġimgħa tilfu 4-2 barra minn darhom kontra Everton.
Din kienet waħda mill-ftit telfiet li sofrew sa minn meta tkeċċa l-ekskowċ Ranieri.
Wara li dan tneħħa mill-kariga Leicester irkupraw u rebħu kontra timijiet bħal ma huma Hull u Liverpool fil-kampjonat filwaqt li eliminaw lil Sevilla fir-rawnd preċedenti ta’ din il-kompetizzjoni.
Atletico Madrid, biex waslu sa hawn eliminaw lil Bayer Leverkusen.