Lokali

Anzjani ta’ Dar Sant Anna f’Għawdex infettati b’virus mill-ikel

Mad-90 resident anzjan ta’ Dar Sant Anna ġew infettati b’virus. Din id-dar tagħmel parti mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li l-Gvern ipprivatizza u b’hekk is-sistema tas-saħħa f’Għawdex issa qeda f’idejn il-kumpanija privata Vitals Global Healthcare.

Jirriżulta li fid-dar hemm mal-100 resident li huma kollha nisa u anzjani u li madwar 90 minnhom ġew affetwati mill-virus li qed ikun susspettat li ħaduh mill-ikel tant li ittieħdu kampjuni biex jiġi eżaminat. Skont informazzjoni li waslet għand Net News mill-familjari u qraba tar-residenti, il-kwalita’ tal-ikel hi ħażina ħafna.

Is-sitwazzjoni f’Dar Sant Anna tant hi gravi li hemm infermieri li qegħdin fuq is-sick leave hekk kif anke huma spiċċaw ħadu l-virus. Dan minbarra li l-uffiċjali tas-sigurta’ mhux qed iħallu nies jidħlu fil-binja bħala prekawzjoni.

Skont l-istess informazzjoni li għandu Net News ir-residenti ilhom affetwati minn dan il-virus għal dawn l-aħħar tlieta jew erbat ijiem.

Dar Sant Anna, parti mill-isptar Ġenerali ta’ Għawdex li qed temxxiħ il-kumpanija Vitals Global Healthcare , wara l-privatizzazzjoni, tinsab ir-Rabat Għawdex.