Lokali

FILMAT: Ħaddiema tal-SVPR jipprotestaw dwar sitwazzjoni “xejn pjaċevoli”

Jipprotestaw ħdejn l-entratura tar-residenza San Vinċenz De Paul

In-numru ta’ infermiera fl-Isptar San Vinċenz de Paul irid tal-inqas jirdoppja – l-MUMN

In-numru ta’ infermeira fl-Isptar San Vinċenz de Paul irid tal-inqas jirdoppja għax bħalissa fis-swali l-kbar li uħud fihom mat-48 pazjent matul il-ġurnata jkollhom żewġ infermiera filwaqt li bil-lejl ilkollhom biss infermiera waħda. Studju li għamlet il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) juri li tal-inqas in-numru ta’ nurses f’dawn is-swali jrid jirdoppja biex ikunn hemm erba’ binhar u tnejn bil-lejl.

Colin Galea, is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-entratura ewlenija tal-Isptar San Vinċenz de Paul li għaliha kienu preżenti wkoll Maria Cutajar, il-President u uffiċjali oħra tal-MUMN kif ukoll numru kbir ta’ infermiera li jaħdmu f’San Vinċenz de Paul li għamlu protesta ta’ siegħa.

Colin Galea qal li l-istudju sar is-sena li għaddiet bejn l-MUMN u l-Management ta’ San Vinċenz de Paul imma jidher li l-Management ma aġixxiex u biex jiffranka l-flus, minflok żied in-numru ta’ infermiera, daħħal carers tal-kuntrattur tal-kumpanija tal-Grupp db, Healthmark. Użud minn dawn il-carers lanqas biss jafu jitkellmu bl-Ingliż, aħseb u ara kemm jafu jitkellmu bil-Malti u uħud minnhom huma illitterati. Is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN qal li dawn il-carers moħħhom biex jeħilsu u m’humiex imħarrġin biex jagħrfu l-bżonnijiet tal-pazjenti. Barra minnhekk il-carers tal-kuntrattur mhux jaħdmu s-sigħat li suppost jaħdmu u qed jagħmlu biss xogħol ta’ bdil ta’ ħrieqi. Il-Gvern jista’ jwaqqaf il-kuntratt tal-kuntrattur xħin irid sostna Colin Galea.

L-MUMN qed tilmeta wkoll dwar sistema ġdida li introduċa l-management ta’ San Vinċenz de Paul dwar il-leave tal-infermiera li lan        qas jistgħu jieħdu l-leave li jkunu ibbukkjaw u bħala miżura biex jiffranka l-flus, il-management qed iċaħħad lill-infermiera milli jieħdu l-leave nhar ta’ Ħadd.

Colin Galea qal li dan l-atteġġjament degradanti tal-management qed kollu qed ikollu effetti psikoloġiċi fuq l-inferemiera u jidher li l-management ta’ San Vinċenz de Paul hun inkompetenti quddiem is-saħħa tal-kuntrattur.

Hu qal li bil-protesta tagħhom u bl-appoġġ tal-MUMN, l-infermiera qed juru li mhux se jħallu lill-management tal-Isptar San Vinċenz de Paul jgħaddi romblu minn fuqhom.

Colin Galea qal li l-MUMN talbet laqgħa urġenti mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Justyne Caruana biex ikunu solvuti dawn il-problemi u l-Union tistenna li l-laqgħa ssir din il-ġimgħa.

Bħalissa f’San Vinċenz de Paul hemm madwar 260 infermier filwaqt li l-pazjenti jlaħħqu aktar minn 1,000 anzjan u anzjana.

Tags