Fil-kċina tal-post fejn tgħix mar-raġel tagħha u bid-dmugħ f’għajnejha, Mariella Falzon fetħet qalbha ma’ NET News dwar it-tbatijiet li qed tgħaddi minnhom. Dan wara li jumejn ilu rċeviet l-aħbar li se terġa’ tlaqqat transfer ieħor, ir-raba’ transfer fl-aħħar erba’ snin. Mariella fetħet qalbha ma’ NET News wara li ddeċidiet li ma tistax tibqa’ taqla’ fuq wiċċha.
Mariella ilha cleaner mal-Gvern għal 28 sena, u f’dawn is-snin kollha qatt ma kellha problemi. Imma fl-aħħar erba’ snin, mhux biss se tkun qalgħet erba’ transfers, iżda ta’ fuqha għamlulha ħajjitha miżerja, fuq l-iċken affarijiet. “Tlett moppijiet kelli nixtrihom jien, għax minħabba qalbi ma nistax nuża moppijiet iebsin li ma jintgħasrux. Lill-oħrajn tawhom l-apparat kollu biex ma jbatux, imma jien kelli nixtri l-affarijiet jien” qaltilna Mariella, f’wieħed mill-eżempji ta’ kif ġiet trattata ħażin fl-aħħar erba’ snin.
S’issa, Mariella diġa qalgħet tlett transfers. Fl-aħħar ġimgħatejn żdiedu l-problemi u d-diżgwid fuq il-post tax-xogħol u ċ-ċirasa fuq il-kejk kienet l-aħbar li rċeviet jumejn ilu li se tlaqqat ir-raba’ transfer. L-iktar ħaġa li tinkwieta lil Mariella hi l-fatt li fejn se jibgħatuha se tkun weħidha. Mhux għax ma tridx tkun weħidha, iżda għax bil-kundizzjoni li għandha f’qalbha, Mariella ma tistax tkun weħidha.
Ma’ NET News, Mariella spjegat li erba’ snin ilu sofriet minn attakk tal-qalb li ħallielha qalba b’kundizzjoni speċjali. “Kissruni… ma nafx fejn qegħda bħalissa” qaltilna mbikkma Mariella. “Jekk jitfgħani waħdi, jista’ jtini attakk tal-qalb u nibqa’ hemm”, żiedet tgħidilna bid-dmugħ f’għajnejha u bl-inkwiet evidenti fuq wiċċha. Mariella spjegat li mhijiex qed titlob affarijiet kbar, għajr li tingħata raġuni għaliex se tlaqqat ir-raba’ transfer, u biex tintbagħat x’imkien fejn ma tkunx weħidha.
“Kieku kelli l-flus kont nitlaq minn mal-Gvern, imma ma nistax nagħmel hekk, għax irrid ngħix bħal ħaddieħor” qaltilna Mariella. “Il-familja kissruhieli… ma nafx x’qed nagħmel… iljieli ma norqodx; sidri l-ħin kollu juġgħani bl-inkwiet” żiedet tgħid.
Mistoqsija għaliex taħseb li qed jagħmlulha hekk, Mariella spjegat li kulħadd jaf kif taħsibha politikament, għalkemm dejjem qagħdet attenta li fuq il-post tax-xogħol, ma titkellimx dwar il-politika. “Darba minnhom kienu se jaqbdu jitkellmu fuq il-politika, u waqqafthom. Għidtilhom “hawnekk imħalltin”” irrakkuntatilna Mariella. “Issa jekk marx xi ħadd iwassal xi ħaġa, ma nafx. Però jien għandi l-prinċipji tiegħi, u l-prinċipji tiegħi m’hu se jibdilhomli ħadd” qaltilna Mariella b’ton konvint. Mariella rrakkuntat ukoll kif f’okkażjoni oħra, lill-ħaddiema tal-Gvern ġgħelulhom jattendu l-attività ‘Gvern li Jisma”, imma hi rrifjutat.
Hi spjegat li bil-loan, il-pilloli u l-ispejjeż tal-ħajja, ma tistax titlaq mix-xogħol, u għalissa se jkollha tibqa’ taqla’ fuq wiċċha. Imma żiedet tgħid li bħalha, hemm oħrajn li ma jridux jitkellmu minħabba l-biża’. “Imma jien issa ma baqgħalix għalfejn nibża’, għax kollox pattewli” qaltilna Mariella. “Nagħmel appell lill-Ministru, lest li nersaq quddiemu wiċċ imb’wiċċ… jaf bihom dal-affarijiet u jekk ma jafx, jagħmel mezz u jsir jaf” qaltilna bid-dmugħ f’għajnejha.
Mariella temmet tgħid li tispera li tinqaleb il-folja, biex hi u persuni oħra bħalha ma jibqgħux għaddejjin minn din it-tbatija.
//= $special ?>