Lokali

AĠĠORNATA: Għaddasa tittella’ mejta f’Għawdex

Ingliża ta’ 44 sena tilfet ħajjitha wara li sabet ruħha f’diffikultà waqt li kienet qed togħdos f’Marsalforn Għawdex.

Għall-ħabta tal-10.50am, il-Pulizija ta’ Għawdex ġiet infurmata li l-mara sabet ruħha f’diffikultà fiż-żona ta’ Għar Ħanżiera, fil-limiti ta’ ras ir-Reqqa, fix-Xwejni.

Fl-istess waqt, hi ttellgħet l-art minn xi persuni li kien hemm fil-qrib. Madankollu, l-intervent ta’ tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien għalxejn, hekk kif hi kienet iċċertifikata mejta fil-post.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-għassa Paul Coppini, li ordna li ssir Inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni …
Fl-aħħar ħin kien rappurtat li ttellgħet mejta għaddasa f’Marsalforn Għawdex.

Hi nstabet fiż-żona ta’ Għar Ħanżiera, limiti ta’ Ras ir-Reqqa, ix-Xwejni.

F’inqas minn sena ilu, fis-16 ta’ Mejju, fl-istess żona kien instab mejjet ukoll għaddas Ġermaniż ta’ 78 sena. U f’Awwissu 2013 żewġ turisti Franċiżi ta’ 17 u 53 sena mietu waqt li kienu qed jgħumu kawża tal-kurrenti. Dawn apparti Franċiż ieħor ta’ 59 sena li wkoll kien miet kawża tal-kurrenti f’Ottubru 2013.