Lokali Parlament

Il-Bank Malti ta’ Żvilupp għandu jgħin inizjattivi ġodda fejn ma jaslux banek oħra

– Ċensu Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Bank Malti għall-Iżvilupp għandu jkun fundamentali biex joffri inċentivi għall-inizjattivi ġodda ta’ assistenza għal kategoriji differenti tas-soċjetà.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Bank Malti għall-Iżvilupp, Ċensu Galea qal li l-pożizzjoni hi mibnija fuq l-finanzjament tal-intrapriżi żgħar u medji, l-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Irid ikun ikkunsidrat iċ-ċokon tal-pajjiż u għalhekk dan it-tip ta’ bank għandu importanza. Hu tkellem dwar l-importanza li l-pajjiż jikseb ir-riżultati mill-investimenti li jsiru.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-banek kummerċjali sabu diffikultajiet li jagħtu fondi lil intrapriżi żgħar u medji u għalhekk dan il-bank għandu jservi ta’ għajnuna lil dan is-settur. Hu tkellem dwar l-importanza tal-kompetittività u appella għal sforz biex is-servizzi u l-inizjattivi jitwasslu għand min verament għandu bżonn.

Ċensu Galea qal li l-proposti għandhom ikunu spjegati ċari lill-persuni li jistgħu jibbenefikaw. Hu tkellem dwar l-infrastruttura u qal li hu impossibbli li proġetti infrastrutturali jrendu. Filwaqt li semma t-toroq, id-deputat Nazzjonalista qal li minkejja l-investiment li sar fil-passat għad fadal ħafna li jeħtieġ isir.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem il-problemi marbuta mas-servizzi tal-ilma u appella biex ikun hemm bidla fis-sistema tal-komunikazzjoni tal-ilma mas-servizzi tat-triq.

Il-pajjiż għandu jagħmel proġett kbir infrastrutturali dwar il-konnessjonijiet tas-servizzi tal-ilma għad-djar. Hu appella biex is-sistema tkun waħda li fiha s-servizzi jgħaddu mill-ġnub tat-triq.

Problema oħra hi marbuta mal-ipparkjar tal-vetturi matul il-ġurnata fejn minkejja ż-żieda kbira ta’ karozza ma kinx hemm ippjanar għal parkeġġi.

Dwar l-ekonomija ambjentali, Ċensu Galea qal li din toffri diversi opportunitajiet għalkemm tinkludi wkoll sfidi kbar fosthom dik tal-użu tal-ilma.

Hu tkellem ukoll dwar l-akkomodazzjoni soċjali u qal li fl-aħħar erba’ snin ma sarx xejn u ma nbena l-ebda ppartament. Gvern Nazzjonalista bena mijiet ta’ appartamenti u ppjana mijiet ta’ appartamenti oħra.

Aspett importanti ieħor hu l-mod kif iż-żgħażagħ kollha jkunu mħejjija għad-dinja tax-xogħol.