Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq thedded li tiddefendi ruħha ‘bil-forza’

Il-Korea ta’ Fuq komunista għamlitha ċara li lesta tiddefendi ruħha ‘bil-qawwa tal-armamenti tagħha’ wara li l-Istati Uniti bagħtet strike group ta’ bastimenti tal-gwerra lejn il-peniżola Koreana.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi Pyongyang bagħat stqarrija li l-movimenti tal-bastimenti Amerikani ‘qed jindikaw pjan ta’ invażjoni mingħajr il-kalkoli xierqa’ u li l-azzjonijiet min-naħa tal-Istati Uniti, issa, ‘laħqu fażi mill-aktar serja’.

L-Uffiċjali tal-flotta mal-Pacific Command tal-Istati Uniti, intant, sostnew id-determinazzjoni tagħhom li jħejju għal kull eventwalità fir-reġjun delikat.

Dan meta l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li pajjiżu jinsab lest biex ‘jikkonfronta waħdu’ it-theddida nukleari min-naħa tal-Korea ta’ Fuq.

Il-bastimenti tal-gwerra li qed javviċinaw iz-‘zona taħraq’ huma mmexxija mill-aircraft carrier USS Carl Vinson . L-istrike group, sa ftit ilu, kellu jieqaf għal żmien fl-Awstralja; iżda d-direttiva nbidlet u l-bastimenti, issa, tmexxew lejn il-Punent tal-Paċifiku fejn, żmien ilu, kienu ħadu sehem f’eżerċizzji man-Navy tal-Korea t’Isfel.

Intant, il-Korea ta’ Fuq qed tkompli bir-retorika aggressiva meta ‘beħsiebha żżomm lill-Istati Uniti responsabbli għall-konsegwenzi katastrofiċi li għandhom jirriżultaw mill-azzjonijiet sfaċċati ta’ Washington’.