Lokali Parlament

Il-profitt tal-Awtorità tal-Artijiet għandu jmur biex jitħallas kumpens tal-esproprjazzjoni

L-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ emendi fl-abbozz ta’ liġi dwar l-Artijiet tal-gvern matul is-seduti Parlamentari tal-bieraħ u ta’ dalgħodu. Proposta ewlenija li ressaq il-Kelliem għall-Artijiet d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus kienet intiża sabiex dawk li tteħditilhom l-art snin ilu u għadhom sal-llum ma ngħatawx kumpens, titwettaq ġustizzja magħhom illum qabel għada. Il-Proposta tad-Deputat Nazzjonalista kienet titlob li l-profitt tal-Awtorita’ tal-Artijiet ma jmurx fil-fond konsolidat iżda f’fond dedikat biex jagħmel tajjeb għal dawk li sal-llum għadhom ma tħallsux tal-art tagħhom li tteħditilhom snin ilu, ħafna minnhom taħt Gvernijiet Laburisti b’mod abbużiv. Il-Gvern Laburista irrifjuta din it-talba, minkejja r-responsabbilta’ li missu jġorr ta’ deċiżjonijiet minn Ministri Laburisti passati li kienu jaħtfu l-artijiet kif u meta jidhrilhom, sostna Ryan Callus.

Ryan Callus ressaq numru ta’ emendi ohrajn, fosthom li m’għandux ikun hemm preskrizzjoni (żmien definit) li fih wieħed għandu jitlob li jingħata l-kumpens tal-art li tkun ittieħditlu, għaliex id-dritt għall-kumpens tal-proprjeta’ tiegħek mgħandux ikun limitat biż-żmien. Ryan Callus ressaq numru ta’ emendi sabiex is-sejħiet li jsir għall-għoti ta’ art pubblika, jkunu publiċizzati aħjar sabiex il-poplu jirċievi l-aħjar prezz għall-proprjeta’ tiegħu u kull min ikun interessat jkun mgħarraf bis-sejħiet. Fuq proposta tad-Deputat Toni Bezzina, ġiet aċċettata emenda sabiex art tkun tista tingħata lill-bdiewa kemm dawk li huma liċenzjati kif ukoll dawk li huma reġistrati.