Il-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba ta’ Carmel Galea ta’ 60 sena minn Kerċem, Għawdex u naqqsitlu l-piena ta’ sitt xhur ħabs għal xahar ħabs. F’Diċembru li għadda hu kien instab ħati li għamle kjass waqt seduta tat-Tribunal tar-Reġjun ta’ Għawdex. Il-Qorti tal-Appell naqqsitlu l-multa li kien weħel minn €2,000 għal €1,500.
Il-każ seħħ f’Lulju 2016 meta Carmel Galea mar quddiem it-Tribunal biex jikkontesta ħames ċitazzjonijiet meta beda jargumenta u jgħolli leħnu mal-Kummissarju tal-Ġustizzja li kien qed imexxi s-seduta.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri innotat numru ta’ interventi li saru mill-Maġistrat li fi kliemu ma kinux konsiljabbli għax juru nuqqas ta’ temperatura u bias kontra l-imputat fost l-oħrajn. Dan anke jekk stqarr li l-interventi tal-Maġistrat kienu xprunati mill-imġiba tal-imputat quddiem il-Qorti fost l-oħrajn li anke spiċċa mingħajr avukat difensur.
Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li l-akkużat naqas milli jobdi l-ordnijiet li ingħata mill-uffiċjal tal-Pulizija fis-seduta tat-tribunal u li nġurja u hedded lill-Kummissarju tal-Ġustizzja. Qalet li l-akkużat iħalli lilu nnifsu jintrikeb mill-passjoni u r-rabja flok ma jħalli li jkun iggwidat mid-difensuri tiegħu.
Il-Qorti tal-Appell illiberatu mill-akkużi li bl-imġiba tiegħu beżża’ lil Dr Mario Xerri li se tinuża vjolenza kontrih u għalhekk naqqsitlu l-piena b’ħames xhur ħabs u b’500 mis-sentenza oriġinali.
//= $special ?>