Żagħżugħ minn Birkirkara spjega fil-Qorti tal-Maġistrati kif il-vittma fil-qtil li seħħ f’Birkirkara beda jgħid ripetutament il-kelma “vojt” ftit qabel miet. Jean Pierre Pace kien qed jixhed fil-kawża ta’ Etienne Bartolo, ir-raġel ta’ 36 sena minn Birkirkara magħruf bil-laqam “il-Vojt” li jinsab mixli bil-qtil ta’ Roderick Grech minn Naxxar ta’ 26 sena magħruf bħala iċ-“China”. Grech instab mal-art f’Birkirkara fid-29 ta’ Marzu li għadda u miet jumejn wara fl-Isptar Mater Dei kawża tal-ġrieħi li sofra b’daqqiet ta’ sikkina.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Jean Pierre Pace qal li għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu kien miexi lura d-dar wara li ħareġ mat-tfajla u ra żagħżugħ jixxengel fit-triq qabel dan waqa’. Hu mar jgħinu u nduna li kien Grech fejn dan beda jitolbu jċempel għall-ambulanza. Pace spjega kif Grech għal tliet darbiet wara xulxin qal il-kelma “vojt” għalkemm għalih dan ma bedix jagħmel sens.
Xhud oħra kien Kristo Sanjic li irrakkonta li xħin kien għaddej ra żewġ persuni, wieħed mal-art u ieħor jgħinu. Dak li kien mal-art kellu d-demm, ġab baskett tal-karti mill-karozza u beda jagħfsu fuq sidru biex jipprova jżomm id-demm milli joħroġ.
Moira Cortis, li taħdem bħala pulizija imma dak il-ħin ma kinitx xogħol, xehdet kif semgħet bħal brejk ħdejn id-dar imbagħad ħorn u għajjat. Hija rrakkuntat kif rat raġel nieżel iżomm żaqqu sakemm daħal fi blokk ta’ appartamenti jgħajjat “Gejtu”. Cortis qalet li ċemplet il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u mbagħad għall-ambulanza.
Xhud ieħor kien Gaetano Bonnici fejn dan semma kif f’dik l-għodwa kien rieqed u ġie jħabbatu pulizija. Hu spjega kif x’ħin ħareġ mill-appartament ra l-bieb imċappas bid-demm u anke mal-poġġaman ra d-dmija.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra, Bartolo għandu jiddefendih lill-Avukat Edward Gatt. L-Avukati Franco Debono, Yanika Vidal u Angie Muscat qed jidhru ‘parte civile’ f’isem il-familja tal-vittma.
//= $special ?>