Lokali

Jitnaqqas it-tul għad-dħul ta’ kuntistabbli tal-Pulizija

Skont informazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern it-tul minimu għall-irġiel biex japplikaw biex jidħlu kuntistabbli tal-Pulizija tnaqqas minn 1.68 metri għal 1.67 metri filwaqt li għal kuntistabbli nisa naqas minn 1.58 metri għal 1.57 metri.

Kelliema għall-Ministeru tal-Intern ma setgħetx tispjega għaliex naqas it-tul meħtieġ biex persuna tapplika biex tidħol kuntistabbli tal-Pulizija. Hi qalet li d-deċiżjoni taqbel mal-liġi preżenti. Lanqas il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela ma spjega għaliex sar it-tibdil.

Skont rapport li kien ippubblikat is-sena li għaddiet, it-tul medju tal-irġiel Maltin żdied bi 11.4 cm mis-sena 1896 filwaqt li bħala medja in-nisa Maltin twalu b’10.7 cm matul l-istess perijodu. It-tul medju tal-irġiel Maltin imwielda fl-1896 kien ta’ 161.9 cm imma dan tela’ għal 173.3 cm fl-1996. It-tul medju tan-nisa Maltin imwielda fl-1896 żdied minn 150.2 cm għal 160.9 cm fl-1996.