Edukazzjoni Lokali

Kumpens ta’ 5% għall-eżami tat-Taljan wara rapporti ta’ tfixkil fl-eżami

Ritratt: Arkivji

Wara numru ta’ ilmenti li saru dwar il-kwalità tal-awdjo tal-eżami tal-listening comprehension tas-SEC tat-Taljan, il-Bord tal-MATSEC iddeċieda li jagħti l-massimu ta’ 5% lil kull student u dan minkejja li tali persentaġġ jingħata biss f’ċirkustanżi hekk magħrufa bħala eċċezzjonali, u li jirreferu għal sitwazzjonijiet serji ħafna. Dan tħabbar fi stqarrija tal-MATSEC li fiha intqal li meta saru l-ilmenti l-Bord mill-ewwel beda’ jinvestiga biex tiddetermina l-aħjar azzjoni biex jiġi żgurat li l-ebda student ma jiġi żvantaġġat.

L-eżami tas-SEC tat-Taljan jikkonsisti f’erba’ partijiet, li kull waħda minnhom tikkontribwixxi għal marka globali. Dawn huma, il-listening comprehesion – 21%; il-parti orali – 14%; is-sezzjoni tal-qari – 20% u l-karta miktuba – 45%. Il-MATSEC qalet li hija kunfidenti li dan il-kumpens jiżgura li ħadd ma jkun żvantaġġjat.

Minkejja tali kumpens, il-MATSEC għamlet ukoll l-arranġamenti meħtieġa biex dawk l-istudenti li jħossu li xorta għandhom jerġgħu jagħmlu din il-parti tal-eżami, jista’ jagħmlu dan, b’mod volontarju, f’sessjoni li se ssir apposta nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju 2017.

Meta student jagħżel li jerġa’ jagħmel l-eżami, il-marka miksuba f’din is-sessjoni tittieħed bħala l-marka finali tal-listening comprehension. Dawk li biħsiebhom jagħmlu dan l-eżami mill-ġdid huma mitluba japplikaw mingħajr ħlas fl-uffiċini tal-MATSEC nhar l-20, 21, 24 jew 25 t’April 2017. Dawk l-istudenti Għawdxin li wkoll jixtiequ jerġgħu jagħmlu l-eżami għandhom japplikaw fiċ-Ċentru tal-Eżamijiet, Victoria fl-istess ġranet.

Il-MATSEC investigat ukoll il-kwalità tal-awdjo użat fl-eżamijiet tal-iSpanjol u l-Ġermaniż u ġie stabbilit li ma kien hemm l-ebda problema u li għaldaqstant m’hemmx lok għal xi forma ta’ kumpens.

Fuq Facebook, il-President tal-SDM Gabriel Micallef faħħar dan il-pass, li sar wara ħidma mill-SDM b’risq l-istudenti.

https://www.facebook.com/gabriimic/posts/10210238183284354?pnref=story