Futbol Sport

L-Arġentina jkeċċu lill-kowċ

Wara r-riżultati xejn pożittivi li kisbet l-Arġentina f’dawn l-aħħar xhur, Edgardo Bauza tkeċċa mill-kariga ta’ kowċ tat-tim nazzjonali.

Bauza, li għandu 59 sena kien ħa post Gerardo Martino f’Awwissu li għadda meta dakinhar l-Arġentina kienet għadha kemm tilfet, għat-tieni darba konsekuttiva, il-finali tal-Copa America.

Bauza mexxa lill-Arġentina fi tmien partiti u dawn rebħu biss tlieta. Riżultat ta’ dan l-Arġentina tinsab f’riskju kbir li ma tikkwalifikax għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 li se ssir fir-Russja. Jekk tikkwalifika, ikun biss permezz tal-play-offs.

Is-suċċessur ta’ Bauza bla dubju se jkollu biċċa xogħol iebsa u debutt proprju kontra r-rivali Brażiljani hekk kif fid-9 ta’ Ġunju se l-Arġentina se tilgħab logħba ta’ ħbiberija kontra l-Brażil, li minn naħa tagħhom diġà ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja.

Wara dik il-partita l-Arġentina tilgħab logħba valida mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 kontra l-Urugwaj.