L-Istati Uniti, l-Messiku u l-Kanada ħabbru uffiċjalment li lesti jpoġġu l-kandidatura bejniethom għall-organizazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2026.
Huma qed jittamaw li dan l-ewwel tentattiv ta’ tliet pajjiżi jorganizzaw flimkien ikun avveniment uniku fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja. Ta’ min jiftakar li fl-2026 se jibdew jieħdu sehem 48 tim u mhux 32 fil-fażi finali u dan wara li ġiet aċċetata proposta tal-President tal-FIFA Gianni Infantino.
Il-proposta tat-tliet pajjiżi qed tgħid li l-Istati Uniti jorganizzaw 60 logħba filwaqt li l-Kanada u l-Messiku jorganizzaw 10 kull wieħed.
Id-deċiżjoni dwar min se jorganizza l-edizzjoni tal-2026 se tittieħed sitt snin qabel, jiġifieri fl-2020. Oriġinarjament id-deċiżjoniji kienet se tittieħed tliet snin qabel imma din ġiet posposta minħabba akkużi ta’ korruzzjoni rigward id-deċiżjoni ta’ min kien se jorganizza ż-żewġ edizzjonijiet ta’ qabel.
L-edizzjonijiet li jmiss, jiġifieri tal-2018 u tal-2022 se jsiru fir-Russja u fil-Qatar rispettivament.
Minkejja l-aħħar kontroversja politika bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, l-uffiċjal ewlieni tal-Federazzjoni Amerikana Sunil Gulati qal li l-problema kienet diskussa u ma jara ebda problema.
Fil-preżentazzjoni uffiċjali tal-kandidatura kien hemm l-eksplejer tat-tim nazzjonali Amerikabn Alexis Lalas kif wkoll il-President tal-Federazzjoni Messikana Decio de Maria.
L-Istati Uniti kienet organizzat it-Tazza tad-Dinja weħidha fl-1994 meta dakinhar kienu l-Brażil li rebħuha bl-għoti tal-penalties kontra l-Italja.
Il-Messiku organizza t-Tazza tad-Dinja darbtejn, fl-1970 u fl-1986 filwaqt li l-Kanada qatt ma organizzat it-Tazza tad-Dinja.