Lokali

Malti li ħadem fuq il-Panama Papers fost ir-rebbieħa tal-premju Pulitzer tal-ġurnaliżmu

Il-ġurnalist Matthew Caruana Galizia
Bil-Panama Papers, Konrad Mizzi nqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jitfa' miljun mill-commissions

Il-ġurnalist Malti Matthew Caruana Galizia huwa wieħed mir-rebbieħa tal-premju Pulitzer tal-ġurnaliżmu. Hu rebaħ dan l-unur bħala parti minn tim ta’ persuni li ħadem fuq il-leaks tal-Panama Papers, żvelati mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ).

Il-premju Pulitzer huwa wieħed mill-aktar premjijiet prestiġjużi mogħtija fl-Istati Uniti għall-kisbiet fil-media u l-ġurnaliżmu. Apparti t-tim tal-ICIJ, li fih hemm il-Malti, l-unur se jmur ukoll għand McClatchy, il-Miami Herald u l-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung.

Fuq Facebook, Matthew Caruana Galizia ppubblika ritratt tal-mument li fih, hu u t-tim tiegħu, saru jafu li rebħu l-unur. Caruana Galizia jaħdem mal-ICIJ bħala web application developer u kien involut ukoll fil-proġett tal-Panama Papers, fejn kien kruċjali biex l-ICIJ setgħet tgħaqqad u tikxef l-informazzjoni kollha dwar il-Panama Papers.

https://www.facebook.com/photo.php?fbid=10158466854430035&set=a.10150753920055035.725537.587960034&type=3&permPage=1

Il-Panama Papers huma kkunsidrati bħala l-akbar leaks fl-istorja, fejn eluf ta’ dokumenti kixfu l-mod kif politiċi u persuni ta’ saħħa kbira minn madwar id-dinja jużaw il-Panama u ġurisdizzjonijiet sigrieti biex jaħbu flus maħmuġa.

Il-Ministru Konrad Mizzi kien l-uniku Ministru Ewropew li ssemma’ fil-Panama Papers hekk kif inqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama. Skont il-Panama Papers hu fetaħ din il-kumpanija sigrieta biex fiha jpoġġi miljun fis-sena mill-commissions. Sal-lum, Konrad Mizzi għadu qed jirrifjuta li jgħid minn fejn kien se jġib miljun fis-sena.

Fi tweets kemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kif ukoll l-Arċisqof Charles J Scicluna awguraw lil ġurnalist Malti b’dan l-unur prestiġjuż.

 

Il-Ministru Konrad Mizzi