Sport Waterpolo

Rebħiet għal Sliema u San Ġiljan

(Ritratt - Adrian Farrugia)

SLIEMA……………………..8
VALLETTA…………………..4
(1-1), (3-0), (1-2), (3-1)

Sliema Betsson komplew isaħħu t-tieni post b’rebħa ta’ 8-4 fuq Valletta McDonalds li mmaturat fl-aħħar sessjoni. Is-Slimiżi kellhom fażijiet tajba fil-partita fit-tieni u fl-aħħar sessjoni li bihom waqqfu r-ritmu ta’ Valletta.

Bidu pożittiv għal partita hekk kif iż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom fis-sessjoni, b’James Spiteri Staines jikkanċella l-gowl ta’ Jerome Gabarretta. Iżda l-istorja kienet differenti fit-tieni sessjoni hekk kif Sliema ħadu l-kontroll tal-logħba fejn kienu aktar preċiżi fl-attakki tagħhom, filwaqt li bdew jiddefendu ftit għoli.

Dan għamilha diffiċli għall-plejers Beltin, li min-naħa tagħhom ma bdewx juru movimenti, biex l-attakki tagħhom bdew jisfaxxaw, b’Sliema jidħlu jistrieħu 4-1 minn fuq.

Ir-reazzjoni ta’ Valletta waslet fit-tielet sessjoni hekk kif irkupraw żewġ gowls fi ftit ħin, iżda Jerome Gabarretta assigura li s-Slimiżi jibqgħu żewġ gowls vantaġġ. It-tim ta’ Bogdan Rath irnexxielu jassigura r-rebħa fil-bidu tal-aħħar sessjoni b’gowls ta’ Attard u Mizzi, biex minn hemm amministraw il-logħba sat-tmiem.

Sliema: R. Coleiro, J. Gabarretta (2), E. Aquilina, C. Cluett, M. Meli, K. Dowling (1), M. Spiteri Staines, B. Cachia, R. Greco, A. Attard (1), Z. Mizzi (3), N. Bugelli (1), Z. Sciberras
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius, M. Rizzo (1), M. Fenech, R. Mock, D. Paolella, N. Bonello Ghio, M. Cordina (1), D. Fenech, K. Galea (1), O. Zammit, F. Buhagiar
Referees: Peter Balzan, Stefan Licari

Erbgħa minn erbgħa
SAN ĠILJAN……………..11
EXILES………………………3
(5-0), (1-3), (4-0), (1-0)

Tasal ir-raba’ rebħa minn erba’ logħbiet għal San Ġiljan, hekk kif ma sabu l-ebda diffikultà jegħlbu lil Exiles Jetfreight 11-3. Logħba bla storja li fiha ż-żewġ timijiet kienu jafu d-destin tagħhom fil-partita.

Għal San Ġiljan għamel id-debutt mill-bidu l-gowlkiper żagħżugħ Thomas Micallef, fl-assenza ta’ Jake Tanti u Dean Camilleri, filwaqt li Steve Galea Pace lagħab bejn il-lasti għal Exiles flok Matthew Castillo. Il-kowċ Dorian Pisani kellu wkoll neqsin lil Timmy Sullivan u Benji Lanzon.

San Ġiljan għarfu jikkontrollaw il-partita mill-bidu u rebħu l-ewwel sessjoni 5-0, skor li bih setgħu jamministraw il-partita hekk kif fit-tieni sessjoni, t-tim ta’ Orlovic naqqas ir-ritmu tiegħu u ta ċans lil Exiles li jidħlu fil-partita bi tliet gowls fit-tieni sessjoni b’Matthew Zammit jiskorja l-uniku gowl ta’ San Ġiljan minn penalty.

Il-Ġiljaniżi komplew jilagħbu mingħajr pressjoni u mingħajr għaġġla, b’erba’ gowls mingħajr risposta biex neħħew xi dubju fuq ir-rebħa. L-aħħar sessjoni kienet formalità, b’Darren Zammit jiskorja l-uniku gowl tal-logħba, bl-andament tal-partita jibqa’ ma jinbidilx.

San Ġiljan: T. Micallef, P. Borg, A. Galea (3), B. Grech, Da. Zammit (1), M. Zammit (3), B. Plumpton (1), J. Galea, T. Said, A. Cousin (1), P. Fava, Di. Zammit (2)
Exiles: S. Galea Pace, J. Rizzo Naudi, J. Bajada, M. Stellini (1), A. Magri, S. Xerri de Caro, D. Borg Millo, K. Griscti (1), N. Paris (1), A. Bianchi, C. Von Brockdorf, L. Felice, M. Castillo
Referees: Mario Dalli, Massimo Angileri