BLOGS

Sejf nifidlu qalbu

Jerome Caruana Cilia – Preżentatur

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet eluf ta’ Maltin u Għawdxin imxew wara l-istatwa ta’ Marija Addolorata f’diversi parroċċi. F’pajjiżna, din it-tradizzjoni hija b’saħħitha ħafna. Tara żgħażagħ, ġenituri bit-tfal, anzjani u familji sħaħ jitolbu wara d-Duluri. Saħansitra jkun hemm minn jimxi ħafi jew iġorr is-salib tal-wegħda waqt il-purċissjoni sabiex jirringrazzjaw jew jitolbu għal xi grazzja partikolari jew anke bħala għadd ta’ indiema.

Fir-rutina mgħaġġla li ħafna drabi ninqabdu fiha, dawn iż-żminijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa joffru opportunità li nnaqqsu l-pass mgħaġġel u niffukaw ftit fuqna nfusna. Iżda m’għandniex nieqfu hemm. Għandna niftakru wkoll fit-tbatija u l-għawġ li diversi individwi jġarrbu.

Illum il-ġurnata hawn persuni, kemm f’pajjiżna u anke lil hinn minn xtutna, li qed jgħaddu minn dulur kuljum. Nisa li qed jiġu abbużati u jsibuha bi tqila biex jitkellmu, ġenituri li tilfu lil uliedhom f’inċident tat-traffiku u persuni li ħajjithom nqalbet ta’ taħt fuq f’leħħa ta’ berqa wara li ħadu l-aħbar li qed isofru mill-marda kiefra tal-kanċer. Dawn ilkoll, fis-skiet, qed isofrsu tbatija kbira f’pajjiżna stess.

Dan l-aħħar fuq il-mezzi tax-xandir u s-social media rajna r-ritratt ta’ Abdel Hameed al-Youssef iżomm liż-żewġ uliedu, tewmin, ritratt li jaqsamlek qalbek. Missier li tilef lill-uliedu u lil martu waqt attakk li sar bl-armi kimiċi kontra belt li hi kontrollata mir-ribelli. X’dulur għadda minnu. F’dan l-attakk viljakk nqatlu mas-70 ruħ, fosthom 20 tifel u tifla.

Il-gwerra ċivili fis-Sirja ilha għaddejja sa minn Marzu tal-2011. Sitt snin li fihom huwa stmat li mietu ftit anqas minn nofs miljun ruħ, b’madwar ħames miljun Sirjan u Sirjana jkollhom iħallu ħwejjiġhom, djarhom, il-qraba u l-ħbieb tagħhom biex isibu kenn f’pajjiżi oħrajn. Bħal Abdel, sejf nifed il-qalb ta’ ħutna s-Sirjani li kull ma jixtiequ huwa li jgħixu ħajja normali.

Sitt snin ta’ agunija.
Sitt snin ta’ firda.
Sitt snin ta’ mewt.
Sitt snin ta’ dulur kuljum.

Sal-lum m’hemmx raġġ ta’ dawl għall-paċi u s-serenità fis-Sirja.