BLOGS

Is-‘surplus’ tal-GWU

Victor Camilleri – eks Editur il-Mument

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat jixtieq li f’dawn il-ġimgħat kulħadd jikteb, jitkellem u anke joħlom matul il-lejl dwar is-surplus li qed jgħid li Malta kellha s-sena li għaddiet. Inħoss li m’għandix niksirlu qalbu u għaldaqstant iddeċidejt li jien ukoll nikteb dwar surplus… dak tal-General Workers’ Union.

Ma tridx tkun xi studjuż kbir tas-sitwazzjoni ġenerali f’pajjiżna biex tinduna li l-GWU, dik li jgħidu li hi (jew kienet?) l-akbar trade union f’pajjiżna, bħalissa qiesha l-bella addormentata, ma tismagħha titkellem fuq xejn, ma titniffisx lanqas fejn hemm sitwazzjoni evidenti ta’ nkwiet, tħassib u tbatija għall-ħaddiema jew ta’ għafsa għall-pensjonanti u dawk fil-faxxa t’isfel tas-soċjetà.

Mhux għaliex kellha bżonn min jgħinha iżda nafu li l-GWU irċeviet benefiċċji enormi minn dan il-gvern. Dan ċertament poġġa sarima akbar milli qatt kellha ma’ ħalqha. U allura mhux ta’ b’xejn li l-GWU għaddejja minn żmien ta’ surplus miljunarju fil-finanzi tagħha.

F’dawn l-erba’ snin li għaddew, fuq il-GWU niżlet xita ta’ miljuni ta’ ewro, dejjem buona grazia ta’ Joseph Muscat. Minn dak li nafu s’issa (għaliex jista’ jkun hemm ukoll arranġamenti oħra li ma nafux bihom) il-GWU irċeviet dawn il-benefiċċji ‘oxxeni’.

■ €300,000 fis-sena talli kriet – b’mod illegali – parti mill-bini mogħti lilha mill-gvern fejn għandha l-Workers’ Memorial Building, lill-kumpanija tal-gvern ARMS Ltd.

■ €524,000 fis-sena talli qed tikri propjetà tagħha f’Raħal Ġdid lil Transport Malta li, allajbierek, ma setgħetx issib post aħjar minn wieħed quddiem iċ-ċimiterju ewlieni ta’ pajjiżna.

■ €8.5 miljun biex tmexxi skema ta’ ħaddiema li kienu qed jirreġistraw u li ngħataw impjieg b’paga minima waqt li jagħmlu l-istess xogħol ta’ ħaddiema li jitħallsu pagi aħjar.

Din hi sitwazzjoni ċara ta’ attentat biex din l-union tkun kundizzjonata fil-mod kif taġixxi fil-konfront tal-gvern. Probabbli li l-GWU se tikser ir-rekord mondjali ta’ kemm ilha ma tħabbar xi azzjoni industrijali bħallikieku ħadd u qatt f’dawn l-erba’ snin li għaddew ma kellu bżonn il-protezzjoni tagħha biex ma jitlifx kundizzjonijiet u anki dħul ta’ flus, bħal fil-każ tal-ħaddiema tal-Enemalta li ntbagħtu jaħdmu x’imkien ieħor.

Jien ma rridx li Gvern Nazzjonalista fil-futur jagħmel il-ħniżrijiet li qed iwettaq il-gvern tal-Labour iżda lanqas jista’ jitħalla li, pereżempju, il-UĦM tkun daqstant diskriminata bħalma hi bħalissa.

It-teorija tiegħi hi li kulħadd ikun trattat fuq l-istess livell u jekk il-GWU għaddejja bħalissa minn perjodu ta’ surplus eċċezzjonali, unions oħrajn għandhom ikunu kunsidrati għal kumpens adegwat.

Oqbra mbajda

Ma nafx qattx ġralkom dak li ġara lili din il-ġimgħa li tkun qed tfittex xi ħaġa, dik ix-’xi ħaġa’ ma ssibhiex iżda flokha ssib xi ħaġa oħra aktar interessanti.

Din ix-’xi ħaġa aktar interessanti’ kienet artiklu li Evarist Bartolo kien kiteb fil-Malta Today tat-30 ta’ Mejju 2010, bit-titlu: Delimara – Only corrupt companies need apply. Dan l-artiklu kien dwar il-power station tal-BWSC li dwarha Bartolo kien sar ix-’Shirlock Holmes’ tal-Labour.

L-artiklu kien jikkonsisti f’dak li qal li kienet ‘korruzzjoni’ min-naħa tal-kumpanija Siemens li kellha tissuplixxi s-switchgear ta’ din il-power station. Qal li dan il-fatt, flimkien mal-fatt l-ieħor li Siemens kienet blacklisted għal tliet snin mill-Bank Dinji, kellu jeskludi lil din il-kumpanija milli titħalla tipprovdi makkinarju lill-BWSC.

Bartolo temm l-artiklu tiegħu hekk: “When Enemalta published the invitation to tender for the Delimara Power Station extension it should have made it clear then that to succeed, bidding companies had to be corrupt.”

Meta taqra artiklu bħal dak mill-ewwel tiġik it-tentazzjoni li tara x’għamel il-Labour meta hu stess ġie biex jibni power station ( li ma kellniex bżonnha). U tibda tqabbel dak li qal Bartolo f’dak l-artiklu, x’kitbu fil-programm elettorali, u tqabblu mal-mod kif mexa Muscat fil-Gvern.

Fil-programm elettorali laburista hemm miktub ċar u tond li “kull kumpanija internazzjonali li tkun trid tidħol għal kuntratti jew tenders governattivi trid tiddikjara jekk tkunx ġiet blacklisted jew instabet ħatja ta’ korruzzjoni minn organizzazzjoni internazzjonali….”

Mela Siemens, suppost li skont dak li kien kiteb ukoll Bartolo, kellha tkun eliminata milli tieħu sehem – kif fil-fatt qed tagħmel – fil-power station il-ġdida ta’ Muscat u Konrad. Iżda aktar minn hekk, imsieħba fl-ElectroGas, li qed tmexxi din il-power station tal-gass, hemm is-SOCAR (state Oil Company of Azerbaijan Republic) tal-Ażerbajġan, il-kumpanija taż-żejt rinomata internazzjonalment għat-tixħim u korruzzjoni tagħha kull fejn tersaq, immexxija mir-reġim korrott tal-President Ilham Alliyev, li kemm-il darba rebaħ it-titlu tal-aktar politiku korrott. Kien ir-rebbieħ tal-award mogħti mill-Organized Crime and Corruption Reporting Project (OCCRP) bħala l-Organized Crime and Corruption Person of the Year.

Naturalment Bartolo ma jħossux aktar marbut ma’ dak li kiteb seba’ snin ilu. Jekk tara kif mexa fil-każ tal-FTS tifhem ukoll għaliex.

 

Ġimgħa oħra tajba għall-PPE

Il-ġimgħa l-oħra semmejtilkom żewġ rebħiet elettorali minn żewġ partiti imsieħba fil-familja tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-Ġermanja u fil-Bulgarija. Il-Ħadd li għadda saru żewġ elezzjonijiet oħra. Fis-Serbja għall-President tal-pajjiż u fl-Armenja għal Parlament ġdid. U għal darb’oħra żewġ partit assoċjati mal-PPE kellhom riżultati eċċellenti.

■ Fis-Serbja (dik li konna nafuha bħala l-Jugoslavja) Aleksandar Vucic tal-partit SNS, se jkun il-President il-ġdid wara rebħa ta’ 55 fil-mija tal-voti.

■ Fl-Armenja, il-Partit Repubblikan tal-President Sezh Sargsyan, rebaħ l-elezzjoni meta kiseb kwazi 50 fil-mija tal-voti.

Iż-żewġ partit kienu rappreżentati fil-Kungress tal-PPE f’Malta l-ġimgħa l-oħra u l-President tal-Armenja tkellem ukoll. Jidher li Malta ġabet ir-risq lil dawn iż-żewġ partiti fil-familja kbira tal-PPE madwar l-Ewropa. Hu ċar li s-soċjaliżmu m’għadux imfittex mill-Ewropej.

 

BIEX MA NINSEWX

L-awditur jiskopri kollużjoni

Il-famuż każ ‘Gaffarena’ dwar esproprjazzjoni ta’ propjetà fi Triq Żekka fil-Belt, għal xhur twal kien fuq nett fil-kalssifika tal-iskandli tal-gvern ta’ Muscat. Tilef dan il-post wara li tħabbru l-Panama Papers.

Madankollu dak jibqa’ xorta waħda ta’ gravità għal pajjiżna. Dan li ġej huma xi osservazzjonijiet li saru mill-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali dwar il-każ:

“The National Audit Office (NAO) is of the opinion that this expropriation was instigated by Gaffarena, yet readily facilitated by the Parliamentary Secretary OPM (Michael Falzon), Director General of Government Property Department, and Director of Estate Management. The NAO deems such collusive action as highly inappropriate, in clear breach of the fundamental principals of good governance, transparency and fairness.

“This Office established that the officials bearing a key role in this expropriation were the Parliamentary Secretary OPM, Director General of Government Property Department and the Director of Estate Management.

“The NAO arrived at the understanding that it was the Director of Estate Management who assumed the primary role of negotiating with Gaffarena, however it must be stated that the conclusion of these negotiations would not have been possible without the endorsement of the Director General of Government Property Division and final authorisation by the Parliamentary Secretary at OPM.”