Internazzjonali

Terapija ‘promettenti’ għall-marda tal-Parkinson’s

Ix-xjenzati huma ottimisti li sabu mod kif jittrattaw u, forsi, jdawwru lura l-effetti malinni tal-marda Parkinson’s. Intant, l-esperti qalu li r-riċerka pubblikata fil-ġurnal Nature Biotechnology tidher ‘mill-aktar promettenti’, anki jekk tinsab fil-fażi bikrija.

L-iżblokk jibbaża fuq il-produzzjoni ta’ ċelluli ‘sostituti’ li jsewwu l-ħsarat fil-moħħ tal-pazjenti li jbatu minn din il-marda deterjorattiva.

Ix-xjenzati, f’dan il-każ, jgħidu li ċ-ċelluli fil-moħħ tal-bnedmin jistgħu jkunu ‘persważi’ biex jassumu l-funzjoni ta’ dawk iċ-ċelluli li jinqerdu mill-effetti tal-Parkinson’s.

Wara sensiela ta’ provi fuq ġrieden li wrew sintomi simili għall-Parkinson’s, kien hemm sinjali li t-terapija ‘irnexxielha tnaqqsilhom mill-kundizzjoni’.

Madankollu, jinħtieġu jsiru ħafna aktar studji qabel in-nies jistgħu jkunu suġġetti għal provi simili.