Internazzjonali

Jammetti li wettaq l-attakk terroristiku fi Stokkolma

L-awtoritajiet fl-Iżvezja kkonfermaw li r-raġel li qed jinżamm fuq suspett li wettaq l-attakk imdemmi ta’ jiem ilu fi Stokkolma ammetta dwar reat terroristiku.

Ir-raġel, li jismu Rakhmat Akilov u li ġej mill-Użbekistan, ammetta responsabbiltà għall-attakk waqt smigħ fil-qorti, bl-avukat tiegħu jispjega li Akilov qiegħed jaċċetta li jrid jinżamm taħt arrest.

L-attakk li wettaq Akilov seħħ nhar il-Ġimgħa u kien irriżulta fil-qtil ta’ erba’ persuni. Dan wara li l-allegat aggressur saq trakk b’veloċità qawwija għal ġo stabbiliment kummerċjali fil-kapitali Żvediża. Fl-attakk indarbu wkoll diversi persuni, bi tnejn minnhom jispiċċaw f’sitwazzjoni kritika.

Meta deher għas-smigħ, ftit tal-ħin ilu, Rakmat Akilov kien liebes il-manetti, bil-proċess fil-qorti jinżamm taħt sigurtà kbira wara bibien magħluqa u quddiem il-membri tal-istampa. L-awtoritajiet Żvediżi intant qed jgħidu li s-suspettat kien magħruf mas-servizzi tas-sigurtà u li hu, fil-passat kien esprima simpatija mat-terroristi tal-ISIS.