AĠĠORNATA: Wara li ġie żvelat li l-Ministru Owen Bonnici nqabad jigdeb dwar it-tneħħija tat-tolleranza ta’ 10% mill-ispeed camera tas-Siġġiewi, tard illejla, l-Gvern ħareġ jgħid li wara laqgħa mas-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina, ddeċieda li jirtira d-deċiżjoni li kien ħa, u b’effett mill-5 tal-lejla, iddaħħlet it-tolleranza ta’ 10% fuq l-ispeed camera tas-Siġġiewi.
Aktar kmieni –
Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina kkonferma li d-deċiżjoni li l-Gvern iddeċieda li titneħħa t-tolleranza ta’ 10% fuq l-ispeed cameras ta’ Malta kollha, u mhux biss dik tas-Siġġiewi. F’post fuq Facebook, Karol Aquilina żvela li f’laqgħa li kellu fis-6 ta’ Jannar li għadda mal-uffiċjali tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali – LESA – ġie kkonfermat li kien il-Gvern li ħa d-deċiżjoni li titneħħa t-tolleranza ta’ 10% mill-ispeed cameras kollha.
Ara x’qal is-Sindku tas-Siġġiewi hawnhekk:
https://www.facebook.com/karolaquilina/posts/10158535682665596
“Din hi taxxa moħbija li daħħal Joseph Muscat fuq is-sewwieqa kollha ta’ pajjiżna”
Fi stqarrija dwar dan l-iżvilupp, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi u d-Deputati David Agius u Clyde Puli qalu li prova konkreta ta’ kemm il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas għall-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Muscat hi dik li titneħħa t-tolleranza minn fuq l-ispeed cameras fit-toroq ta’ Malta. Din hi taxxa moħbija li daħħal Joseph Muscat fuq is-sewwieqa kollha ta’ pajjiżna, sostna l-Partit Nazzjonalista.
Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Gvern ta’ Muscat, li issa jrid li malli xi ħadd jaqbeż il-limitu ta’ veloċità fit-toroq – anke jekk jagħmel dan b’10% – ikollha titħallas iċ-ċitazzjoni fit-totalità tagħha.
“Dawn huma deċiżjonijiet ta’ Gvern korrott, li jippermetti lil dawk fil-klikka ta’ Kastilja ma jħallsu għall-ebda għemil li jwettqu – anke jekk jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom ipoġġu miljun ewro fis-sena ġejjin mill-commissions, f’dak li hu textbook case ta’ ħasil ta’ flus – filwaqt li jixxaħħaħ mal-kumplament tal-poplu,” qal il-Partit Nazzjonalista.
Jason Azzopardi, David Agius u Clyde Puli temmew li kif wiegħed il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed iwettaq ġustizzja fost din l-inugwaljanza li teżisti fost il-poplu Malti u Għawdxi.
AKTAR KMIENI:
Il-Ministru Owen Bonnici nqabad jigbed anke dwar il-limitu tal-ispeed cameras biex wieħed jeħel ċitazzjoni. Fil-fatt, deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern kienet li meta wieħed jaqbeż il-limitu indikat, jeħel ċitazzjoni mill-ewwel. Dan meta għall-aħħar snin, dejjem kienet tintuża it-tolleranza ta’ 10% qabel tingħata ċ-ċitazzjoni.
Kien il-ġurnal The Times li żvela l-aħbar li ttieħdet id-deċiżjoni biex titneħħa t-tolleranza – storja li ġabet bosta reazzjonijiet u r-rabja ta’ ħafna. Quddiem din ir-rabja mis-sewwieqa f’pajjiżna, l-Ministru Owen Bonnici lbieraħ ħareġ jgħid li mhux veru li tneħħiet it-tolleranza, ħlief għall-ispeed camera tas-Siġġiewi.
Madanakollu, f’kummenti ma’ netnews.com.mt, is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina kkonferma li dak li qal Owen Bonnici mhux minnu u li waqt laqgħa li kellu xahrejn ilu mal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali – LESA – hu ġie nfurmat li fuq struzzjonijiet tal-Gvern, it-tolleranza kienet ser titneħħa mill-ispeed cameras kollha madwar Malta u Għawdex kollha, inkluż dik tas-Siġġiewi.
F’post separata fuq Facebook, is-Sindku tas-Siġġiewi ħabbar li dalgħodu kellu laqgħa urġenti mal-ogħla uffiċjali tal-LESA, li matulha r-ressaq it-talbiet li tista’ tara hawn taħt.
https://www.facebook.com/photo.php?fbid=10158535317205596&set=a.10150857665035596.743852.692670595&type=3&theater
//= $special ?>