Internazzjonali

Wara l-attakk kimiku fis-Sirja: Il-G7 jiċħad is-sanzjonijiet għar-Russja

 

Il-grupp tal-G7, magħmul mill-aktar pajjiżi industrijalizzati, ċaħad is-sejħa tar-Renju Unit biex jitressqu s-sanzjonijiet kontra r-Russja b’konnessjoni mal-aħħar attakk kimiku li jingħad li twettaq mill-qawwiet tas-Sirja, li hi alleata ewlenija ta’ Moska.

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tas-seba’ pajjiżi ltaqgħu fil-belt Taljana ta’ Lucca bit-tama li jsibu pożizzjoni komuni dwar il-konflitt fis-Sirja. Intant, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson,  ftit ilu wasal f’Moska (wara vjaġġ mill-Italja) f’tentattiv biex jipperswadi lir-Russja ħalli ma tappoġġjax aktar lill-alleati tagħha fil-Gvern ta’ Damasku.

Ir-rappreżentanti tal-G7 f’Lucca qablu li ma teżisti l-ebda soluzzjoni għall-kriżi tas-Sirja dment li l-President Sirjan, Bashar al-Assad, ikompli fil-poter. Madankollu, jidher li twarrbu, għalissa, il-proposti tar-Renju Unit biex jitressqu sanzjonijiet fil-konfront ta’ kapijiet militari ewlenin. Dan waqt li l-Gvern tal-Italja sostna li l-G7 ‘ma jridx li jġib lir-Russja b’dahra mal-ħajt’ u li l-grupp ta’ pajjiżi ‘jippreferu t-triq tad-djalogu.’

Il-Gvern ta’ Bashar al-Assad qed jiċħad li wettaq l-attakk kimiku ta’ jiem ilu kontra l-belt Sirjana ta’ Khan Sheikhoun, li hi kontrollata mir-ribelli, u fejn kienu nqatlu għexieren ta’ nies, inklużi tfal. L-Istati Uniti, wara, kienet irritaljat bl-isparatura ta’ 59 missila tat-tip Tomahawk kontra bażi tal-ajru tal-Gvern Sirjan.

Id-differenzi ta’ opinjoni bejn il-membri tal-G7 spikkaw waqt il-laqgħa ta’ jumejn f’Lucca u wara li s-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, ippropona sanzjonijiet kontra ‘personalitajiet militari Russi u Sirjani’ b’konnessjoni mal-attakk kimiku inkwistjoni.

Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Angelino Alfano, qalu li l-Ministri tal-G7 iridu jiddjalogaw mar-Russja ‘għaliex jaħsbu li Moska għandha l-influwenza meħtieġa biex twettaq il-pressjoni (fuq Assad) ħalli s-Sirja tosserva l-impenji tagħha rigward ftehim għall-waqfien mill-ġlied.’

Iżda l-Ministri tal-G7 dehru magħqudin dwar ‘il futur’ tal-President Assad, b’Tillerson isostni li ‘qed jidher ċar li r-renju tal-familja Assad ( fis-Sirja) qed javviċina tmiemu’.

Tillerson anki kiseb appoġġ għar-ritaljazzjoni tal-Istati Uniti kontra r-reġim ta’ Assad u li hu stess fisser bħala ‘azzjoni neċessarja fl-interessi tas-sigurtà tal-Amerikani’. Hu spjega l-importanza li ‘il-ħażna tal-armi kimiċi fis-Sirja ma jaqgħux f’idejn l-ISIS u gruppi oħra ta’ terroristi li jistgħu jridu jattakkaw lill-Istati Uniti u l-alleati tagħha’.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, għada, se jkollu taħditiet mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, iżda mhux ċar jekk għandux jiltaqa’ mal-President tar-Russja, Vladimir Putin.