Sport Waterpolo

Żewġ kompetizzjonijiet internazzjonali fir-Repubblika Ċeka għat-timijiet tal-Juniors tal-irġiel u n-nisa

Il-ħidma fl-ASA għal kategoriji kollha tagħha tkompli, bil-kalendarju mimli għas-sena 2017 jidħol aktar fis-seħħ. Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li dan it-tournament hu importanti biex jiżviluppaw it-talent taż-żgħażagħ tagħhom. Caruana Curran sostna li dawn il-logħob għat-tim ta’ Karl Izzo huma interessanti ħafna mill-att tekniku, hekk kif se jkun tajjeb għall-kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena biex ikollu opportunità tajba jara lit-tim kontra timijiet aktar b’saħħithom.

Il-kowċ nazzjonali Karl Izzo qal li t-tim Malti rebaħ l-aħħar tliet edizzjonijiet li ħa sehem fl-EU Nations, u tenna li dan it-tournament li se jsir b’Brno fir-Repubblika Ċeka, hu l-bidu biex it-tim jipprepara tajjeb għall-Kampjonat Ewropew li se jsir f’Settembru f’pajjiżna.

Izzo qal li għażel l-iskwadra minn total ta’ 20 plejer, u qal li hi opportunità tajba għalihom biex juru l-potenzjal tagħhom. Mill-iskwadra se jkun hemm nieqes ix-xellugi ta’ Neptunes Nikolai Zammit li jinsab imweġġa’, filwaqt li Simon Mallia se jkun nieqes minħabba impenn familjari. Izzo qal li f’dawn l-aħħar jiem qed jitħarrġu wkoll filgħodu, filwaqt li rringrazzja lil Ivan Gauci li qed jieħu ħsieb il-fiżika tal-plejers.

Iż-żgħażagħ Maltin jilagħbu l-ewwel logħba l-Ġimgħa 14 ta’ April kontra l-Finlandja fil-11.30am, u dakinhar stess jilagħbu fid-8.50pm kontra l-Iżvizzera. Is-Sibt 15 ta’ April u l-Ħadd 16 ta’ April jintlagħbu l-logħbiet tal-klassifikazzjoni. Il-logħob jiddependu fejn jispiċċaw fil-grupp wara l-ewwel żewġ logħbiet, filwaqt li imbagħad jilagħbu tliet logħbiet fi grupp ieħor. L-Iskwadra li l-kowċ Karl Izzo sejjaħ hi din:

Thomas Micallef (San Ġiljan), Matthew Tabone (Neptunes), Ken Erdogan (Neptunes), Jacob Sciberras (Sirens), Benji Cachia (Sliema), Tristan Said (San Ġiljan), Ben Grech (San Ġiljan), Liam Galea (Sliema), Gerald Sammut (Sliema), Mattias Ortoleva (San Ġiljan), Jan Culic (Neptunes), Jake Muscat (Neptunes), Owen Gauci (Sirens)

EU Nations tan-nisa

Is-settur femminili wkoll għandu l-għan li jkompli jikber wara r-riżultat pożittiv fid-debutt internazzjonali s-sena l-oħra. Il-President tal-ASA qal li hemm aspettattiva li jkun hemm riżultati pożittivi u qal li qed jagħtu l-importanza mistħoqqa lis-settur femminili.

Il-kowċ tat-tim Anthony Farrugia qal li kważi aktar minn nofs it-tim li kien hemm is-sena l-oħra spiċċa u għalhekk għal ħafna mill-plejers se tkun l-ewwel esperjenza tagħhom. Hu qal li t-tama tagħhom hi li tal-anqas jirrepetu dak li kisbu s-sena l-oħra biex jikkonfermaw id-direzzjoni li sejrin fiha. Farrugia tkellem dwar il-fatt li f’anqas minn 50 siegħa, se jilagħbu ħames partiti, iżda tenna li jinsab fiduċjuż bil-ħidma kbira tagħhom, se jiksbu r-riżultati mixtieqa.

It-tim Malti jilgħab l-ewwel logħba tiegħu fi Praga r-Repubblika Ċeka, il-Ġimgħa 21 ta’ April kontra Wales fis-2.00pm u kontra l-Irlanda fis-7.00pm. L-għada, n-nisa Maltin jilagħbu fid-9.00am kontra l-Afrika ta’ Isfel u kontra l-Iżrael fis-7.00pm. Il-Ħadd 23 ta’ April jilagħbu l-logħba ta’ klassifikazzjoni. L-iskwadra li Anthony Farrugia sejjaħ hi din:

Abby Bonello (Exiles), Kelly Tockarshewsky (Sliema), Karla Camilleri (Sliema), Kendra Navarro (Exiles), Kaia Agius (Sirens), Laura Galea (San Ġiljan), Lisa Fenech (Sliema), Nicole Scicluna (Marsaxlokk), Erica Seychell (Marsaxlokk), Keira Agius (Neptunes), Michela Zammit (Exiles), Kristy Cassar (Birżebbugia), Kursty Plumpton (San Ġiljan)