Lokali Parlament

Aktar Għawdxin jkollhom jaħdmu f’Malta; jiżdied b’600 in-numru ta’ Għawdxin jaħdmu Malta

– Chris Said, PN

Taret mar-riħ il-wegħda ta’ xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said kkritika l-politika tal-Gvern dwar ix-xogħol f’Għawdex u qal li fil-verità u b’mod reali llum f’Għawdex hemm nies jirreġistraw iktar milli kien hemm fl-eqqel tal-kriżi ekonomika internazzjonali ta’ bejn l-2009 u l-2012.

Meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-Parlament Chris Said qal li qed isir ħafna diskors fuq l-ammont ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol f’Għawdex bi ftaħir dwar kemm in-numru ta’ nies jirreġistraw f’Għawdex hu baxx.

Dak li l-Gvern ma jgħidx hu kif qed jaqtgħu bl-addoċċ nies mir-Reġistru għal kull ħaġa ta’ xejn u kif jekk ma’ dawk jirreġistraw bħalissa tgħodd dawk li qegħdin fl-iskema tal-Community Work Scheme – li daħħluhom fl-iskema u neħħewhom mir-reġistrar – issib li f’Għawdex illum hemm nies jirreġistraw jew fl-iskema tal-kommunità aktar milli kien hemm nies jirreġistraw fl-eqqel tal-kriżi ekonomika u finanzjarja 2009-2012.

F’Novembru u Diċembru 2016, l-NSO ippubblika data dwar ‘Regional Labour Supply and Regional Gross Domestic Product for the Region of Gozo’. Minn dawn iċ-ċifri tirriżulta li d-differenza fl-ekonomija taż-żewġ gżejjer kibret u mhux ċkienet; il-Gross Value Added per capita f’Għawdex kien 60% meta komparat ma’ Malta fl-2010 u niżel għal 57% fl-2015. Dan hu tnaqqis ta’ 3% u juri li d-differenza bejn Malta u Għawdex kompliet titwessa’.

Il-paga medja f’Għawdex bejn 2010 u 2013 kienet qed tiżdied b’madwar 3.5% fis-sena. Din ix-xejra nbidlet fl-2014 u 2015 u l-paga medja naqset f termini assoluti u relattivi – naqset b’€223 u 2% rispettivament; ċertifikat mill-aktar negattiv għal Gvern

Chris Said qal li l-PL wegħdu xogħol f’ Għawdex għall-Għawdxin kollha iżda qed jiġri bil-maqlub; bl-Għawdxin li qed imorru jaħdmu f’ Malta żdiedu u mhux naqsu. Dan skont l-istatistika tal-Gvern stess. Il-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta kien ta’ 16% mit-total tal-ħaddiema kollha Għawdxin issa dan tela’ għal 18% li jfisser żieda ta’ madwar 600 ħaddiema Għawdxi aktar li kellhom imorru jaħdmu f’Malta u jaqsmu kuljum bejn iż-żewg gżejjer.

Chris Said qal li erba’ snin u nofs ilu l-PL wiegħed l-ilma jiżfen iżda jirriżulta li kull proġett imwiegħed f’Għawdex ma sarx.

Wegħdu fast ferry service iżda issa qed jgħidu li se jigi ntrodott f’nofs is-sena 2018, wegħdu airlink bejn Malta u Għawdex iżda din il-wegħda intesiet u l-proġett ġie mwarrab u wegħdu Casino f’ Għawdex iżda dan ma nfetaħx u ma ngħatat l-ebda liċenzja. Il-PL wegħdu yacht marina, ħafna pjanti sbieħ iżda issa kollox spiċċa, wegħdu cruise liner terminal iżda ma sar xejn u wegħdu toroq arterjali li jinbnew mill-ġdid iżda ma bnew l-ebda triq bil-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-PL wegħdu bini ta’ Qorti ġdid iżda ma nbeda xejn, wegħdu pool, wegħdu dar għall-anzjani li kellha tkun lesta sentejn ilu u għadu lanqas biss hu lest il-bini tagħha u wegħdu Mużew tal-Arti; mhux talli ma nbeda l-ebda xogħol iżda nxtrat il-pittura għal meta jinfetaħ 5 snin ohra. Ħadd ma jaf fejn din se tinzamm sakemm jinfetaħ il-Mużew 5 snin oħra.

Taħt is-saqaf ta’ min se torqod din il-biċċa arti prezzjuza sakemm ikun lest il-Mużew? staqsa Chris Said li kompla li hu tort tad-dewmien u frott l-ineffiċjenza jistgħu jintilfu wkoll il-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-PL wegħdu IT Hub fix-Xewkija iżda minflok sar parkeġġ proviżorju biex jservi flok il-parkeġġ li ttieħed ħdejn l-Isptar, wegħdu skola primarja ġdida fir-Rabat u ma nbeda xejn waqt li hemm taħwid kbir fuq il-post fejn ser tinbena. Ma’ dawn il-PL wiegħed il-breakwater ta’ Marsalforn, il-fibre optic cable, il-park tal-familja fix-Xagħra u l-ilma tat-tieni klassi għall-bdiewa

Tlestew biss il-proġetti li kienu nbdew u waslu fl-aħħar mill-Gvern preċedenti għalkemm hemm progett li jidher li ser jitlesta għalkemm għadu mhux lest; it- taraġ li jiswa €3 miljuni mill-Bus Terminus għal Pjazza San Franġisk.

Dwar il-wegħda tal-pool, Chris Said qal li din ilha erba’ snin imwegħda. Issa ftit xhur ilu ġie iffirmat MOU bejn il-Gvern u kumpanija privata u hu żgur li mhux se tkun lesta f’ din il-legiżlatura. Il-Gvern ma jrid bl-ebda mod jippubblika dan l-MOU li qed jinżamm moħbi.

Il-Gozo Business Chamber għamlet appell biex dan l-ftehim jiġi pubblikat. Issa hu magħruf li l-kumpanija privata se tingħata b’ xejn art pubblika fil-qalba tar-Rabat Għawdex biex fuqha tibni djar u taghmel kummerċ minnhom; art pubblika oħra mogħtija b’ xejn lill-privat.

Hemm ħafna mistoqsijiet oħra li l-Gvern qed jaħrab li jwieġeb fosthom kemm se jħallas il-Gvern tal-użu tal-pool minn entitajiet pubbliċi, kemm se jkunu l-ħlasijiet tal-użu tal-pool u ghal kemm snin ingħatat l-art ghal 30 jew 60 sena.

Dan hu proġett li hemm bżonnu li iżda telaq fuq sieq hażina bi ftehim moħbi u użu ta’ art u flejjes pubbliċi bla ebda kontabilita’ ta’ xejn, sostna Chris Said.

Dwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Chris Said qal li ftit ilu saret konferenza tal-aħbarijiet b’ ħafna Ministri – ħlief Chris Fearne li għażel li ma jmurx – biex b’pompa jħabbru li beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq l-iskola ta’ Barts ħdejn l-Isptar Ġenerali li huma obbligati li jibnu Vitals.

Vitals kellhom ilestu din l-iskola sa Settembru li għadda meta marru l-gafef u bdew iwaqqgħu l-garaxx tal-ambulanzi u l-canteen. Wara li telqu l-ministri u telaq il-makkinarju, x-xogħol ilu xahar wieqaf għal kollox. Sal-lum l-isptar għadu bla canteen bil- pazjenti u qraba jbatu.

Wara ftit ġranet ix-xogħol waqaf għal kollox. Dan meta suppost l-iskola ta’ Barts kellha titlesta malajr u suppost li Vitals lestewha 8 xhur ilu – f’Settembru 2016. Veru jew mhux veru li x-xogħol waqaf għaliex il-kuntratturi ma għandhomx garanzija li ser jitħallsu u meta ser jitħallsu, staqsa Chris Said, li kompla li kien hemm problema kbira f’Dar Sant’Anna li hi parti mill-Isptar u mmexxija wkoll minn Vitals.

Jirriżulta li 90% tal-pazjenti minn 100 mara anzjana kellhom virus, li ħallihom fi stat ta’ saħħa ħazina ħafna. Il-virus ittieħed ukoll mill-istaff u kien hemm numru ta’ staff li kellhom jirtiraw bis-sick leave. Hemm suspett li kien mill-ikel. Min se jagħti l-informazzjoni dwar dak li gara; il-Gvern jew Vitals?  Min hu responsabbli d-Dipartiment tas-Saħħa jew Vitals?, staqsa Chris Said.

Dwar it-Torri tal-Qbajjar, Chris Said qal li l-Ministru għal Għawdex irrifjuta li jikkometti ruħu li jsalva dan il-wirt storiku li qed jikkrolla fejn partijiet minnu diġà ġġarrfu – saret ħsara enormi – kull xitwa qed tkompli tiggrava. It-torri mhux użat u tħalla fi stat dilapidat. Jidher ċar li l-Ministru qed iġib skuża bil-kawża li hemm il-Qorti u li l-Gvern f’dawn l-erba’ snin ma għamel xejn biex jara li timxi b’pass mgħaġġel biex jaġevola lil xi ħadd.

Il-Ministru Refalo qed igorr responsabilità kbira; jekk dan il-wirt storiku jkompli jiggarraf għalxejn jgħid li qisu tilef parti minnu bħalma qal meta waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra.

Ir-responsabilità tal-Ministru għal Għawdex l-ewwel u qabel kollox hi li jsalva l-wirt kulturali Għawdxi – dak li fadal – qabel jipprova jonfoq xi €400,000 fuq biċċa arti u jigi jiftaħar kemm hu bniedem ta’ kultura kbira.

Il-fatt li tkun dilettant tal-antikitajiet u tal-irkantijiet ma jagħmlekx bilfors bniedem ta’ kultura. Bniedem ta’ kultura jagħmlek il-fatt li bħala Għawdxi tkun tabilħaqq tapprezza u tgħożż dak li hu kulturali l-ewwel u qabel kollox lokali u b’rabta mal-gżira Għawdxija.

Jekk iħobb lil Għawdex u huwa bniedem ta’ kultura, kif ftaħar li hu l-Ministru għal Għawdex irid jinsa kull interess li għandu nkluż interess ta’ ħbieb ta’ ġewwa tiegħu u jieħu passi immedjati biex isalva dan il-wirt storiku. L-istess jista’ jingħad għall-Fanal tal-Ġordan fejn Ministru qed iwaħħal fl-ieħor bil- Ministru Mizzi jwaħħal fil-Ministru Refalo u sadanittant il-fanal nieżel.

Chris Said qal li għaddejjin manuvri mill-aktar koroh biex suldati Għawdxin jaqbżu lil sħabhom li ilum snin jaħdmu Malta u jmorru jaħdmu Għawdex.

Fl-Armata qed jinħema pjan kif diversi suldati Għawdxin tal-qalba li ilhom fl-Armata bejn sena u tlett snin jaqbżu suldati li ilhom bejn 7 u 10 snin jaħdmu Malta u jittieħdu jaħdmu minn Għawdex. Is-seniority li dejjem inżammet biex suldati jinżlu jaħdmu Għawdex ntremiet il-baħar. Din hija diskriminazzjoni li għandha tiġi indirizzata u l-Ministru Abela għandu jara li ma ssirx, sostna Chris Said.