Lokali

Arrestati żewġt irġiel mill-Gambja fuq pussess tad-droga

Raġel ta’ 29 sena mill-Gambja kien arrestat wara li nstab fil-pussess tad-droga kannabis, miżien u ammont ta’ flus kontanti. Stqarrija tal-Pulizija tgħid li l-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra marru fil-Pjazza ta’ Buġibba ilbieraħ għall-ħabta tal-10.45p.m. meta kien innutat raġel li qed jaġixxi b’mod suspettuż.

Waqt tfittxija li saret fuq il-persuna tiegħu, instabu madwar 15-il borża mimlija b’sustanza suspettata kannabis, flimkien ma’ miżien diġitali u ammont ta’ flus kontanti.

Ir-raġel ġie arrestat u saret ukoll tfittxija ġewwa r-residenza tiegħu f’San Pawl il-Baħar stess, fejn instabu oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.

Fl-istess residenza kien hemm raġel ieħor ta’ 28 sena ukoll mill-Gambja li waqt tfittxija fuq il-persuna tiegħu, instabet borża b’sustanza suspettata kannabis. Iż-żewġ persuni qed jinżammu mill-Pulizija tal-Qawra għal iżjed stħarriġ.