Lokali

ESKLUSSIVA: Is-sid ta’ Egrant beda l-process biex tingħalaq

Ħabbar dan l-Awditur Godfrey Leone Ganado, li waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad tkellem dwar il-proċess ta’ likwidazzjoni ta’ kumpaniji li jkunu twaqqfu fil-Panama. Qal li l-likwidazzjoni qed isir ukoll bl-għan li s-sid ta’ Egrant jibqa’ mistur

Wara li aktar kmieni netnews.com.mt ħabbar li se jiżvela dettalji ġodda u importanti b’rabta mat-tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama u li bdew jinfetħu ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali: Hearnville, Tillgate u Egrant, Net News issa jista’ jiżvela li t-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama – Egrant – li nfetħet fl-istess żmien mal-kumpaniji tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, iżda li s-sid tagħha dejjem baqa’ sigriet, qed tiġi likwidata.

Ħabbar dan Godfrey Leone Ganado, li waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad tkellem dwar il-proċess ta’ likwidazzjoni ta’ kumpaniji li jkunu twaqqfu fil-Panama. Qal li l-likwidazzjoni qed isir ukoll bl-għan li s-sid ta’ Egrant jibqa’ mistur.

Il-Ħamis li għadda, Net News staqsa lil Konrad Mizzi dwar ta’ min hi l-kumpanija Egrant, sena wara li l-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) ippubblikaw il-Panama Papers, hu għadu jaħrab milli jwieġeb.

Fl-intervista waqt Iswed fuq l-Abjad, l-awditur Godfrey Leone Ganado qal ukoll li hu ma jemminx li Egrant hi ta’ Brian Tonna.

Dokumenti mingħand Nexia BT lil Mossack Fonseca, żvelati fil-Panama Papers, jikkonfermaw li ‘Egrant’ kellha tkun għal xi ħadd tant importanti li ismu ma setgħax jissemma f’email.