Godfrey Abela u John Agius se jikkompetu mat-tim nazzjonali fit-Tazza tal-Mediterran fi Franza f’Mejju, wara s-seba’ ġimgħa mill-fażi tal-gruppi tal-Malta Premier League of Darts li saret f’La Rovesciata f’San Ġwann. B’hekk huma ngħaqdu ma’ Norbert Attard u Albert Scerri li kienu diġà kkwalifikaw aktar kmieni fil-kompetizzjoni.
Vincent Busuttil v Albert Scerri 4-2
F’partita fejn l-ebda riżultat ma kien se jibdel il-klassifika finali, il-veteran Vincent Busuttil għalaq il-kampjonat tiegħu b’rebħa tajba fuq Albert Scerri li kien diġà assigura postu fil-fażi finali.
Busuttil fetaħ vantaġġ doppju, b’Scerri jwieġeb bir-rebħ tat-tielet leg, u kellu jerġa’ jnaqqas id-distakk bir-rebħ tal-ħames leg. Iż-żewġ plejers fallew numru ta’ darts fuq id-doppji fis-sitt leg, b’Vincent Busuttil jirnexxielu jagħlaq l-ewwel, għat-tielet rebħa tiegħu f’din il-kompetizzjoni.
Brian Abela v John Agius 0-4
John Agius irnexxielu jikseb post fit-tim nazzjonali għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu wara li fis-seba’ ġimgħa, kiseb rebħa faċli ta’ 4-0 fuq Brian Abela. Agius spiċċa l-partita bl-aqwa 3 dart average personali tiegħu ta’ 82.35.
David Attard v Godfrey Abela 1-4
Din kienet l-aktar partita mistennija mis-seba’ ġimgħa hekk kif rebħa għal xi ħadd minnhom kienet tfisser kwalifikazzjoni. Bidu tajjeb minn Godfrey Abela li rebaħ l-ewwel żewġ legs għall-vantaġġ doppju. Attard naqqas id-distakk, iżda reazzjoni immedjata minn Godfrey Abela waslet biex rebaħ iż-żewġ legs ta’ wara u kiseb ir-rebħa importanti għalih.
Norbert Attard v John Ciantar 4-0
Norbert Attard għalaq il-fażi tal-gruppi b’rekord perfett, hekk kif bi prestazzjoni brillanti għeleb lil John Ciantar 4-0. F’din il-logħba, Attard spiċċa b’103.65 li hu l-akbar 3 dart average tal-istaġun. Meta wieħed ipoġġi din il-medja ta’ livell għoli f’perspettiva tal-Premier League Ingliż, il-medja hi ta’ 97.63, f’kompetizzjoni fejn jilagħbu plejers ta’ fama mondjali bħal Michael van Gerwin, Phil Taylor u Gary Anderson.
Klassifika finali: Norbert Attard (7-0), Albert Scerri (4-3), Godfrey Abela (4-3), John Agius (4-3), David Attard (3-4), Vincent Busuttil (3-4), John Ciantar (2-5), Brian Abela (1-6)
Statistika
L-aqwa 3-dart average: Norbert Attard – 103.65
L-aqwa leg: Norbert Attard – 12
180s: Vincent Busuttil – 1
L-akbar għeluq: Norbert Attard – 92
Ix-xandira ta’ dawn il-logħbiet jinsabu fuq is-sit tal-youtube tal-assoċjazzjoni – Malta Premier League of Darts 2016/2017 – Day 7. Il-fażi finali tintlagħab l-Erbgħa 26 ta’ April fir-Red Square f’Santa Venera, fejn fis-semifinali, Norbert Attard se jilgħab kontra John Agius filwaqt li Albert Scerri se jilgħab kontra Godfrey Abela. Il-logħob jibda fit-8.00pm.
Mosta Horseshoe Bar A viċin il-finali tat-Tazza 5-a-side
Mosta Horseshoe Bar A jinsab pass bogħod mill-finali wara rebħa faċli fuq Birżebbugia Cox Sports Club bl-iskor ta’ 5-0 fl-ewwel leg mis-semifinali tat-tazza 5-a-side. Għal Mosta, rebħu Tony Borg, Albert Scerri, Neville Grech, Edward Azzopardi u Godfrey Abela.
It-tieni semifinali kienet kontestata miż-żewġ timijiet li dan l-istaġun qed jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat nazzjonali, Kalkara St Joseph u Floriana Ajax. Il-greens kisbu vantaġġ minimu għal-logħba ta’ ritorn wara r-rebħa ta’ 3-2. Għal Kalkara rebħu Kirsten Aquilina u Andy Keen filwaqt li għal Floriana rebħu Norbert Attard, David Attard u John Agius. Il-lega ta’ ritorn se jintlagħbu fid-19 ta’ April.
//= $special ?>