Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jirrispetta l-kuntratti tal-ħaddiema taċ-Ċivil

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista wiegħed li fil-Gvern se jkun qed jindirizza l-inġustizzja li teżisti bejn ħaddiema taċ-ċivil u ħaddiema oħra b’kuntratti li jagħmlu l-istess xogħol

Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil se jkun qed jirrispetta l-kuntratti tal-ħaddiema taċ-Ċivil, inkluż dawk li se jinqalbu għal mod indefinit. Stqarr dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn intqal li dak li tħabbar ilbieraħ hu dritt li introduċa l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, u se jkun qed jiġi rispettat fl-intier tiegħu bi Gvern ġdid Nazzjonalista.

L-istqarrija tkompli li gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed iwettaq ukoll ġustizzja ma’ dawk il-ħafna ħaddiema taċ-Ċivil li qed isofru inġustizzja mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Fil-fatt, dak li tħabbar ilbieraħ ħoloq ukoll inġustizzja ma’ xi ħaddiema taċ-Ċivil li tħallew barra. Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza dan biex jassigura li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista wiegħed li fil-Gvern se jkun qed jindirizza wkoll l-inġustizzja li teżisti bejn ħaddiema taċ-ċivil u ħaddiema oħra b’kuntratti li jagħmlu l-istess xogħol, iżda b’pagi inqas. Ma’ Gvern ġdid Nazzjonalista, min jaħdem l-istess, jitħallas l-istess, taħt il-prinċipju ta’ equal pay for equal work.