Lokali Parlament

Il-Ministru tal-Intern ma jwieġeb xejn konkret quddiem l-iskandlu tad-direct order ta’ €880,000 fil-ħabs

Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela llejla ma wieġeb xejn dwar l-iskandlu tad-direct order ta’ €880,000 li ngħatat fil-Ħabs għall-wiring tal-komunikazzjoni tal-istess ħabs u sab biss ftit minuti biex jitkellem dwaru.

Dettalji dwar dan id-direct order ingħataw ilbieraħ mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi li żevla kif ingħata dan id-direct order eċċessiv lil kumpanija ta’ persuna miż-Żejtun li għandu kumpnaija li la għandha facebook, la għandha website, la għandha esperjenza jew kapaċità f’dan is-settur u lanqas setgħet tieħu sehem fil-proċess ta’ offerti kieku dan fil-fatt sar.

Kieku ħarġet offerta, din il-kumpanija ma setgħetx tieħu sehem fil-proċess għaliex il-kumpanija ma ħallsitx it-taxxa tagħha għaliex l-aħħar audit financial statement kienu ppreżentati l-MFSA fl-2012.

Jason Azzopardi appella lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dan il-kuntratt u biex il-kuntratt ikun ippublikat.

Fid-diskors tiegħu tal-lejla dwar il-Ġustizzja Riparatriċi,il-Ministru Abela ħalla dan id-direct order għall-aħħar nett tad-diskors tiegħu tant li sal-ħin dipsost għalih, hu ma kien semma xejn dwaru tant li kellu jingħatalu ftit ħin biex ikompli jitkellem. Fil-fatt il-Ministru Abela tkellem biss għal ftit minuti dwar dan id-direct order.

Il-Ministru Abela qal li ma ħeba xejn dwar dan id-direct order għax ta l-informazzjoni fil-parlament permezz ta’ tweġiba parlamentari. Hu sostna li m’għandu l-ebda problema li l-Avukat Ġenerali jagħmel l-investigazzjoni miltuba. Hu kompla li se jikkoepra u sostna li l-kumpanija GO ilha snin tieħu ħsieb it-telefonija fil-ħabs u kien hemm bżonn uġrenti ta’ azzjoni. Hu qal li l-GO tuża servizzi ta’ sub contractor fosthom fuq xogħol fil-Ħabs u kien minn hemm li bdiet din il-biċċa xogħol għax il-GO qalet li ma setgħetx tkompli bix-xogħol.