Lokali

XENATA GĦAL XEJN: L-immigranti kollha arrestati fil-Marsa rilaxxati

Il-Pulizija dalgħodu wettqet operazzjoni fil-Marsa

Dalgħodu l-Pulizija wettqu xenata wara li arrestaw 84 immigranti li ta’ kull filgħodu jkunu fir-roundabout tal-Marsa, issa ġie stabbilit li l-immigranti kollha kellhom id-dokumenti rilevanti.

Fil-fatt kmieni filgħodu diversi uffiċjali tal-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-Pulizija tal-RIU marru l-Marsa u wettqu dak li l-Pulizija rreferiet għalih bħala eżerċizzju. Eżerċizzju li fih arrestat 84 immigrant li kienu qed jistennew fir-roundabout għax-xogħol.

Illejla fi stqarrija oħra l-Pulizija qalet li wara li l-84 immigrant ġew iċċekjati, irriżulta li kollha kienu dokumentati. Il-Pulizija b’hekk qalet li wara ġurnata arrestati, dawn issa inħellsu.

Il-Pulizija qalet li hija l-intenzjoni tal-Korp tal-Pulizija li tkompli tagħmel verifiki bħal dawn minn żmien għal żmien.

Qalet ukoll li primarjament l-iskop ta’ dan l-eżerċizzju kien sabiex jiġi żgurat li dawn l-immigranti jinsabu f’Malta b’mod regolari. Id-dokumenti li ġew ippreżentati lil Pulizija ġew verifikati u tneħħa kull dubju li jista jkun hemm xi falsifikazzjoni.

Aktar kmieni ….

Il-Pulizija qed jiġbru l-imigranti u jistaqsuhom għall-karta tal-identita’ waqt li wħud minnhom qed ikunu arrestati għal aktar stħarriġ.