Lokali

Jerġa’ jikkonferma li se jitkeċċew il-ħaddiema imma ma jgħidx kemm u min se jitkeċċa​

Il-Ministru Edward Zammit Lewis jgħid li t-taħdidiet mal-Alitalia ma kinux ħela ta' ħin

Il-Ministru Ewdward Zammit Lewis jerġa’ jikkonferma li se jitnaqqsu l-ħaddiema tal-Airmalta. Hu qal dan waqt il-programm li jixxandar online, Times Talk.

Il-Ministru responsabbli mill-Airmalta qal li jekk jitnaqqsu l-ħaddiema il-linja nazzjonali tal-ajru tkun aktar kompetittiva.

Edward Zammit Lewis qal wkoll li skont hu it-taħdidiet li l-gvern Malti kellu mal-Alitalia ma kinux ħela ta’ ħin. Iżda dawn it-taħdidiet fil-verita’ ma wasslu għal xejn hekk kif minkejja li l-gvern iffirma Memorandum Of Understanding ma’ l-Alitalia u wara 9 xhur ta’ taħdidiet, l-Airmalta baqgħet mingħajr sieħeb strateġiku.

Iżda skont Zammit Lewis mit-taħdidiet li l-gvern kellu mal-Alitalia, li ma ssarfu f’xejn, il-gvern kiseb esperjenza meta jiġi biex jiddiskuti ma’ kumpaniji oħra bil-possibilta’ li waħda minnhom ikollha 49% sehem fl-Airmalta.

Aktar kmieni din is-sena l-Ministru Zammit Lewis ma’ The Malta Indpendent qal li t-taħdidiet biex tinstab soluzzjoni għall-linja nazzjonali tal-ajru għadhom għaddejjin ma’ diversi kumpaniji li huma nteressati u li mhux bilfors jaħdmu fis-settur tal-ġarr tal-passiġġieri bl-ajru. Qal wkoll li għalissa mhux se jsemmi ismijiet ta’ kumpaniji li magħhom għaddejjin it-taħdidiet. Skont l-artiklu fil-gazzetta, il-Ministru Zammit Lewis kemm -il darba qal li jekk ikun hemm eżitu pożittiv dan se jiġi b’deċiżjonijiet iebsin wkoll.

Dwar il-futur tal-Airmalta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha tappella lill-gvern sabiex jikkunsidra l-proposta tagħha. Iżda l-gvern mhux jagħti każ.

Il-Partit Nazzjonalista ressaq proposti li permezz tagħhom il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta tiġi rikapitalizzata b’€140m, b’investiment lokali kif ukoll bl-involviment tal-ħaddiema b’share options.
Fl-istess proposti l-Partit Nazzjonalista qiegħed jirrakomanda twaqqif ta’ fond għat-taħriġ ta’ l-impjegati kif ukoll erba’ metodi differenti ta’ kif ir-riżorsi tal-kumpanija jkunu jistgħu jintużaw bl-aħjar mod possibbli fl-ekonomija tagħna.

Minn naħa tiegħu l-l-Partit Nazzjonalista qed jiltaqa’ b’mod regolari mal-ħaddiema tal-Air Malta li jinsabu nkwetati ferm bis-sitwazzjoni li jinsabu fiha ta’ inċertezza li nħolqot.