Lokali Parlament

L-Istat għandu jħares lejn min iwettaq ir-reat u lejn il-vittmi u l-familjari

– Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi u qal li l-Istat u s-soċjetà għandhom jikkunsidraw kemm l-importanza li min wettaq ir-reat jirriforma kif ukoll lejn l-effetti fuq il-vittmi u l-familjari tagħhom.

Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar l-importanza li l-persuni effettwati mid-delitt jingħataw riparazzjoni. Din il-liġi qed tindirizza lill-ħabsin biex dawn jirriformaw lilhom innfushom u biex il-vittma tar-reat jkollu sehem attiv f’dak kollu li qed isir. Il-medjazzjoni hi sfida importanti ħafna u biex tirnexxi trid issir parti mill-prijoritajiet tal-Ministeru tal-Intern.

Hu qal li 30% tal-persuni li qed jagħmlu talba għall-parole qed jingħataw il-liċenzja. Hemm diversi limitazzjonijiet fosthom nuqqas ta’ impjegati u nuqqas ta’ investiment. Hu tkellem ukoll dwar il-problema tal-istat tas-saħħa li jkollhom il-persuni fil-ħabs.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-care plan u qal li l-ħsieb kien li l-persuni li jidħlu fil-ħabs isirilhom pjan ta’ riabilitazzjoni biex isiru l-istrutturi kollha ta’ riforma. Il-pajjiż m’għandux iħalli nies jeħlu l-ħabs u ma jieħdux il-benefiċċji ta’ din il-liġi.

L-iskrivan li hemm għamel 600 laqgħa mad-diversi persuni iżda hemm bżonn li jkun hem iktar nies fil-Faċilità biex isiru l-bidliet meħtieġa. Din il-liġi għandha tkun parti mill-politika nazzjonali tal-pajjiż iżda biex din issir trid tkun miġġielda l-kultura li l-persuni li jinstabu ħatja għandhom jintelqu fil-ħabs.