Basketball Sport

Lejn il-finali Luxol v Floriana

Bupa Luxol u Floriana MCP Car Parks se jikkontestaw il-finali tal-Kampjonat BOV Baskitbol li se tintlagħab fuq bażi ta’ best-of-5 playoff.  Luxol kisbu posthom fil-finali billi għelbu lil-Gżira Athleta 3-0 fis-semi-finali filwaqt li Floriana MCP Car Parks kellhom jissieltu sal-aħħar ma’ Cynergi Depiro biex kisbu riżultat ta’ 3-2 fis-semi finali.

Paul Sultana, President tal- Malta Basketball Association u Peter Perotti, Chief Officer fi ħdan il-Bank of Valletta indirizzaw konferenza stampa fil-preżenza ta’ John Tabone u Pierce Cumpstone, kowċ u plejer barrani ta’ Luxol, u Ian Mercieca u Chad Patus, president u l-plejer barrani ta’ Floriana rispettivament.

Paul Sultana irringrazzja Bank of Valletta għall-appoġġ kontinwu tiegħu u awgura l-aħjar prestazzjoni li żewġ timijiet. “Din se tkun l-aħħar finali li se tintlagħab f’dan il-padiljun kif nafuh,’ qal is-Sur Sultana. “Kif jispiċċaw il-kompetizzjonijiet kollha dan l-istaġun, se jibdew ix-xogħlijiet biex dan il-padiljun jinbidel fi struttura permanenti li nittamaw li tiġi inawgurata qabel il-bidu tal-istaġun basketball jmiss.”

Peter Perotti tenna x-xewqat tal-President lit-timijiet u qal “Bħala sostenitur tal-Malta Basketball Association għal numru twil ta’ snin, ninsabu ħerqana biex nassistu għal finali kombattuta b’livell għoli ta’ logħob kif drajna naraw dan l-istaġun.’

“Ninsabu kunfidenti li għandna tim komplut bil-plejers ideali għal kull pożizzjoni’ qal il-kowċ ta’ Luxol John Tabone. “Il-moral tagħna huwa għoli, għalkemm mhux kunfidenti żżejjed u b’Pierce hawn maġenbi, it-twil Sam Deguara, se nkunu qed niġġieldu għat-13 il-kampjonat fl-istorja tagħna”.

“Dan hija l-ewwel sena tiegħi nilgħab barra mill-Istati Uniti u nista ngħid li l-livell tal-logħba f’Malta huwa ħafna ogħla milli oriġinarjament stennejt’ qal Pierce Cumpstone. “Ninsabu kunfidenti li t-tim huwa motivat u ppreparat biex ngħollu t-tazza tal-Kampjonat BOV.’

“Aħna konxji li qed nidħlu f’din il-finali bħala underdogs,’ qal Ian Mercieca. ‘Aħna se nkunu mingħajr Shawn Pace li jinsab imweġġa iżda r-ritorn ta’ Dirk Schembriu l-esperjenza ta’ Chad u l-bqija tat-tim, nistgħu niksbu rebħa oħra bħal ma’ għamilna fis-semi-finali.’

‘Din is-sena kellna kemm mumenti tajbin kif ukoll ħżiena, li wasslu għal semi-finali intensa ħafna li ġiet deċiża fl-aħħar sekondi tal-aħħar logħba,’ qal il-Kanadiż ta’ Floriana Chad Patus. “Aħna nafu li se tkun finali iebsa, u li se tħabbatna fiżikament wara semi-finali intensa imma se ninżlu għal kull logħba bil-ħeġġa li urejna matul l-istaġun.”