Sport Sport Ieħor

Malta tikkompeti għall-ewwel darba fil-Kampjonati Ewropej tat-Ten Pin Bowling

Il-Maltin Matthew Magro, Edward Xuereb, Sara Xuereb flimkien ma' Richard Vogelesang

Fit-Tali Bowl f’Helsinki fil-Finlandja ngħata bidu għall-Kampjonati tal-Ewropa taż-Żgħażagħ tat-Tenpin Bowling. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dawn il-Kampjonati fost it-28 pajjiz li qed jipparteċipaw hemm ukoll Malta. Il-Kampjonati ġew dikjarati miftuħa minn Esko Ranto, Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura tal-Finlandja fejn immedjatament wara daħlu fl-azzjoni 52 tifla u 94 tifel.

L-ewwel Maltin fl-azzjoni kienu Matthew Magro u Edward Xuereb li fid-doubles bi skor totali ta’ 2151 b’medja ta’ 179.2 spiċċaw fis-16-il post fost 22 pajjiż.

Sara Xuereb li fl-ewwel fażi tal-gruppi kienet fit-tieni post b’1160 u medja ta’ 193.2 ġiet abbinata ma’ Sara Giwiser tal-Awstrija u eventwalment spiċċat il-kompetizzjoni tad-doubles fis-7 post minn 52 kompetitriċi. Sofia Hultstedt u Helene Johnstrud tan-Norveġja rebħu l-midalja tad-deheb f’din il-kategorija.