Lokali

Muscat għandu jippubblika x-xhieda tal-inkjesta b’mod immedjat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jippubblika, b’mod immedjat, ix-xhieda kollha tal-inkjesta dwar l-indħil ta’ żewġ Ministru tal-Kabinett tiegħu f’każ ta’ traffikar tad-droga. “L-inkjesta ppubblikata nhar is-Sibt li għadda hi farsa u whitewash u saret biss biex tgħatti l-verita’ – cover-up ta’ dak li verament ġara”.

Sostna dan ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja  Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet. Jason Azzopardi qal li f’din l-inkjesta’, jispikka dak li ma sarx. Hu staqsa għaliex:

  • ma ssejjħux biex jinstemgħu it-traffikanti
  • ma ssejjaħx missier wieħed miż-żagħżagħ li allegatament iltaqa’ maż-żewġ Ministri
  • ma ssejjaħx l-Avukat tat-tfajla li biddlet l-istqarrija lill-pulizija
  • ma ssejjħux l-Ispetturi u l-pulizija li kien xhud meta ttieħdet l-istqarrija
  • ma saritx analiżi tal-kameras tas-sigurta’ madwar il-Ministeru għal Għawdex
  • ma kienux ikkonsultati l-logs tal-kumpanija Gozo Channel li jkollhom imniżżel meta karozza ministerjali taqsam bejn Malta u Għawdex
  • ma ssejjaħx ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, li tkellem diversi drabi dwar dan il-każ

“Min kien intenzjonat li jsib il-verita’ ma kienx iħalli lil dawn il-persuni kollha barra”, tenna Jason Azzopardi.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-kandidati Evelyn Vella Brincat u Ivan Bartolo. Evelyn Vella Brincat qalet li bħala omm, tinsab inkwetata meta tara l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, flok jaġixxu kontra min jittraffika d-droga, jaġixxu b’tali mod li ma jittieħdux passi kontra t-traffikanti. Hi fakkret fil-wegħda li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li Gvern ġdid Nazzjonalista se jirdoppja l-isforzi tiegħu fi ġlieda bla preċedent kontra t-traffikar tad-droga.

Ivan Bartolo sostna li iktar ma jgħaddu ġranet, aktar qed joħroġ ċar li f’kull ħaġa li jagħmel il-Gvern ta’ Muscat, qed jirriżulta li dan se jibqa’ mfakkar bħala l-aktar Gvern korrott, giddieb u ħalliel li qatt kellu pajjiżna. Hu sostna li b’dan l-aġir, il-Gvern ta’ Muscat qed joħlor inġustizzja u diżugwaljanza.