Fuq il-vjolenza rebaħ l-isport hekk kif wara l-attakk fuq il-coach li abbord kien hemm il-plejers tal-klabb Ġermaniż Borussia Dortmund, ilbieraħ il-partitarji Ġermaniżi bdew kampanja biex joffru saqaf fuq ras il-partitarji Franċiżi li marru fil-Ġermanja għalxejn.
Dan għaliex il-logħba miċ-Champions League ġiet posposta kawża ta’ dan l-attakk bi splussiv li wassal ukoll biex il-plejer Marc Bartra kellu jittieħed lejn l-isptar fejn ġie operat minħabba ksur fil-polz.
Il-Pulizija ħabbru li seħħew tliet splużjonijiet waqt li l-coach bil-plejers Ġermaniżi kienet qed tħalli l-lukanda lejn is-Signal Iduna Park, il-grawnd tal-istess klabb Borussia Dortmund.
Minuti wara li seħħ dan l-attakk, fil-grawnd mimli bil-partitarji taż-żewġ naħat, il-partitarji kienu avżati b’dak li seħħ u spikkat l-isportività bil-Franċiżi jgħollu xalel tal-klabb Ġermaniż b’solidarjetà.
Wara li ġiet posposta minħabba dan l-attakk, il-logħba tintlagħab illum, fis-18:45.