Sport Waterpolo

Rebħa għal Neptunes b’rimonta mill-aqwa

Il-gowl minn penalty ta' Niki Lanzon li għamel l-iskor 10-4 favur Neptunes (Ritratt: Martin Agius)

NEPTUNES WPSC…………11

SIRENS ASC………………….6

(1-3), (3-1), (4-0), (3-2)

Neptunes irkupraw minn bidu ħażin biex għelbu lil Sirens 11-6, biex kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat. Id-differenza bejn iż-żewġ timijiet bdiet toħroġ aktar ma beda jgħaddi l-ħin, b’Neptunes ikunu aktar organizzati fil-bini tal-attakki tagħhom u jieħdu l-okkażjonijiet.

Sirens naqsu li juru l-istess aggressività li kellhom fl-ewwel fażi, u speċjalment wara l-mistrieħ, krollaw b’gowl wara l-ieħor tal-avversarji, filwaqt li kienu erratiċi fil-pressing tagħhom, b’Jeremy Abela jispikka b’żewġ ġmiel ta’ gowls mis-centre.

Bidu tajjeb minn Sirens li b’doppjetta ta’ Isiah Riolo u gowl ta’ Marc Grech fetħu vantaġġ ta’ 3-0, iżda Sean Gravina naqqas id-distakk, biex Miguel Zammit skorja fit-tieni sessjoni.

Clint Mercieca reġa’ kabbar il-vantaġġ b’konklużjoni tajba minn pożizzjoni ċentrali, iżda Neptunes irnexxielhom jġibu d-draw sa qabel il-mistrieħ, b’żewġ mumenti ta’ maġija tal-captain veteran Niki Lanzon, l-ewwel b’lob fuq Grixti filwaqt li t-tieni gowl skorjah b’konklużjoni fil-baxx minn madwar 10 metri.

Aktar ma beda jgħaddi ħin, Neptunes bdew jieħdu r-riedni tal-partita, b’Sirens ikunu anqas aggressivi fil-logħob tagħhom. Jordan Camilleri meritatament poġġa lil Neptunes żewġ gowls minn fuq, b’Jeremy Abela jiskorja gowl tipiku ta’ centre minn quddiem Grixti u ieħor lejn it-tmiem minn sitwazzjoni ta’ man-up.

B’distakk ta’ erba’ gowls, il-partita kienet sejra f’direzzjoni waħda, u Neptunes komplew għaddejjin bi tliet gowls mingħajr risposta b’Sirens jagħmlu l-iskor aktar rispettabbli b’żewġ gowls lejn it-tmiem.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (3), K. Erdogan, J. Culic, T. Agius, M. Tabone, S. Gravina (1), J. Camilleri (2), J. Abela (3), M. Zammit (2), M. Martellacci, M. Azzopardi, I. Bugeja

Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory (1), N. Farrugia, J. Sciberras, M. Grech (2), I. Riolo (2), N. Lubrano, D. Cutajar, J. Napier, J. Brownrigg, L. Caruana, O. Gauci, C. Mercieca (1)

Referees: Alex De Raffaele, Ronnie Spiteri