Rugby Sport

Stompers fil-finali tal-Mediterranean Cup b’rebħa fuq Falcons

Azzjoni waqt attakk ta' Stompers (Ritratt: Zara Ameen)

STOMPERS……..49

FALCONS………..13

Rapport: Bryan Corlett

Stompers kisbu rebħa tajba hekk kif bil-veloċità fil-logħob tagħhom, għelbu lil Falcons 49-13. Huma fetħu l-iskor kmieni fil-logħba meta wara penalty mogħti malajr, Falcons bdew jistennew knock-on mir-referee Sean Doublesin minħabba li l-ballun mar lura, iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej b’Betts jiskorja t-try minn mal-ġenb. Stompers bdew jiddominaw fl-iscrum u rduppjaw il-vantaġġ fl-10 minuta bi try ta’ Josef Luke Azzopardi.

Falcons bdew jippruvaw jidħlu lura fil-logħba, iżda d-difiża ta’ Stompers kienet preparata. Falcons bdew jippruvaw jagħmlu użu mir-riħ favurihom hekk kif bdew jitfgħu l-ballun fil-kantunieri biex jiksbu t-territorju, u rnexxielhom jiskorjaw minn penalty ta’ Holliday.

Iżda Stompers żiedu fir-ritmu tal-logħba, bdew idawru l-ballun u ħolqu spazji fid-difiża ta’ Falcons, b’Gum jirnexxielu jiskorja t-tielet try għat-tim tiegħu, iżda għal darba oħra fallew milli jagħmlu l-conversion. Falcons skorjaw l-ewwel try tagħhom ftit wara, b’Andrew Vella jgħaddi lejn Andrè Galea li naqqas id-distakk f’azzjoni maħduma tajba. Dan ma waqqafx ir-ritmu ta’ Stompers li bi tries ta’ Gum u Maylor daħlu jistrieħu 25-8 minn fuq.

Minkejja li l-vantaġġ tar-riħ inbidel fit-tieni taqsima, Stompers baqgħu fil-kmand tal-logħba u kabbru l-vantaġġ għal 37-8 bi tries ta’ Betts u Gum, b’tal-aħħar jiskorja l-conversion. Falcons tefgħu kollox fuq l-attakk biex jippruvaw jerġgħu jidħlu fil-logħba u rnexxielhom jagħmlu try permezz tal-veloċità ta’ Andrew Galea. Iżda Stompers għalqu l-partita b’żewġ tries ta’ Max Galea għal rebħa netta ta’ 49-13.

Fil-finali, Stompers se jkunu qed jilagħbu kontra Overseas, li għelbu lil Kavallieri 31-24 fis-semifinali l-oħra.