“Biex inġibu bidla fil-ħajja ta’ persuni bid-dijabete, irridu nindirizzaw mhux biss is-servizzi li nipprovdulhom iżda wkoll naffrontaw l-isfidi li jgħaddu minnhom kuljum. Irridu nagħtu wkoll aktar appoġġ u riżorsi għar-riċerka.” L-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia qalet dan meta kienet qed titkellem waqt id-Diabetes Europe Roundtable 2017 organizzat mill-International Centre for Parliamentary Studies (ICPS) fi Brussell.
Hija sostniet li għalkemm mhix relatata direttament, ir-riforma tal-liġijiet tal-Copyright, li tagħha hija r-rapporteur tal-Parlament Ewropew, se tkun utili f’dan ir-rigward. Dan għaliex ir-riforma se tkun qed tiffaċilità r-riċerka fil-qasam tas-saħħa billi ssaħħaħ il-progress fix-xjenza sabiex toffri trattament aħjar u b’inqas spejjeż li jkun strumentali biex jingħelbu l-isfidi tal-persuni bid-diabete.
Meta kienet qed twieġeb għall-mistoqsijiet fuq l-effettività ta’ introduzzjoni ta’ taxxa fuq iz-zokkor, Comodini Cachia qalet li taxxa bħal din waħedha mhix se tindirizza l-problemi marbuta mad-diabete. Qalet li dawn il-problemi jridu jiġu indirizzati wkoll permezz ta’ kampanji edukattivi. Sostniet li taxxa fuq iz-zokkor tispiċċa tolqot l-aktar nies vulnerabbli u dawk li jinsabu fix-xifer tal-faqar.
Therese Comodini Cachia hija d-Deputat Ċhairperson tal-EU Diabetes Working Group.
//= $special ?>