Lokali

Tul il-vaganzi tal-Għid mal-140,000 passiġġier mistennija jgħaddu mill-MIA

Il-passiġġieri huma mitluba jkunu t-terminal kmieni b’mod speċjali l-Ħamis bejn is-7.15am u 1pm

Hu mistenni li mal-140,000 passiġġier jgħaddi mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bejn illum u nhar l-Erbgħa.

Madwar 21,500 moviment tal-passiġġieri hu mistenni għada t-13 ta’ April – l-aktar ġurnata impenjattiva għall-ajruport għal din il-ġimgħa. Il-Ħamis filgħodu mbgħad huwa l-perjodu bl-aktar attività għall-ajruport, fejn eluf ta’ passiġġieri jgħaddu mit-terminal f’perjodu qasir. Għaldaqstant, il-passiġġieri huma mitluba jkunu t-terminal kmieni, b’mod speċjali l-Ħamis bejn is-7.15 ta’ filgħodu u 1pm tul is-sitt xhur li ġejjin, waqt li l-programm Cruise and Fly ikun qed jopera.

Fi stqarrija maħruġa mill-MIA il-vaganzi tal-Għid huma biss wieħed mill-fatturi li ser ikunu qegħdin jikkontribwixxu għal dan l-influss qawwi ta’ passiġġieri. Dan hekk kif se jibda l-programm Cruise & Fly u t-tnedija reċenti tal-iskeda tas-sajf tal-ajruport, li tinkludi diversi rotot u linji tal-ajru ġodda.

Dawn il-movimenti tal-passiġġieri f’ġurnata normalment jintlaħqu f’Awwissu, meta l-vaganzi tas-sajf ikunu fl-aqwa tagħhom. Barra mill-vaganzi tal-Għid.

L-istqarrija tgħid wkoll li dawk kollha li ser iqattgħu l-vaganzi tal-Għid Malta, u li qed jittamaw li jkollhom temp aktar sħun, m’għandhomx ikunu diżappuntati. Fil-fatt, l-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-ajruport qed ibassar li l-weekend ta’ bejn l-14 u s-16 ta’ April ser ikun xemxi, b’temperaturi li mistennijin jilħqu t-23°C.