Residenti Balzanin bdew petizzjoni online biex jappellaw lill-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi jirranġa dik li qed tkun deskritta bħala waħda mill-agħar toroq f’Ħal Balzan: Triq il-Wied. Triq il-Wied, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern ċentrali, ilha snin twal fi stat dilapitat, b’numru kbir ta’ ħofor, b’uħud mis-sewwieqa jkollhom isuqu b’inqas minn 10 kilometri fis-siegħa biex ma jagħmlux ħsara lill-karozzi tagħhom.
Ir-raġuni għaliex din it-triq ma setgħetx issir fi żmien Gvern Nazzjonalista hi peress li l-ewwel kellu jsir ix-xogħol fuq il-proġett tal-għargħar. Proġett mibdi minn Gvern Nazzjonalista b’fondi tal-Unjoni Ewropea li kien wassal biex f’Ħal Balzan itaffet sew il-problema tal-għargħar. Ħames snin ilu, il-Kunsillier Laburista f’Ħal Balzan Desmond Zammit Marmara kien kritika lill-Gvern Nazzjonalista li kien għadu ma ħax azzjoni (ara l-filmat t’hawn taħt). Minn dakinhar ‘l hawn, tlesta l-proġett tal-għargħar, iżda t-triq baqgħet ma saritx – anke jekk fl-2013 tela’ Gvern Laburista b’wegħda li t-triq issir.
Sorsi qrib NET News qalu li t-triq ma tistax tingħata wiċċ ġdid biss, iżda trid tinbena kompletament mill-qiegħ minħabba l-istat li tinsab fih.
Ir-residenti ta’ Triq il-Wied f’Ħal Balzan qed jappellaw lill-pubbliku, b’mod partikolari r-residenti ta’ Ħal Balzan, biex jiffirmaw din il-petizzjoni, li tista’ taċċessaha billi tagħfas hawn.
Triq il-Wied f’Ħal Balzan hija waħda mill-aktar toroq użati fiż-żona, peress li tgħaqqad lill-Wied ta’ Birkirkara mar-roundabout ewlenija ta’ Ħal Lija li tagħti lejn il-Mosta, in-Naxxar jew Birkirkara. Il-Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex din it-triq tingħata priorità kif mistħoqq mill-Gvern ċentrali.
//= $special ?>