Internazzjonali

Evakwazzjonijiet fi New Zealand waqt iċ-ċiklun ‘Cook’

Ir-residenti f’diversi bnadi ta’ New Zealand qegħdin ibatu l-effetti tal-agħar maltemp għal għexieren ta’ snin, fost l-irwiefen u ħalbiet tax-xita ġenerati minn ċiklun qawwi mlaqqam ‘Cook’.

Il-maltemp qed javvanza tul il-pajjiż, bl-awtoritajiet fiz-zoni tal-Bay of Plenty u l-Coromandel Peninsula jiddikjaraw stati ta’ emerġenza. Dan waqt li t-toroq saru inaċċessibbli b’konsegwenza ta’ għargħar għall-għarrieda; bl-irwiefen qegħdin iqaċċtu l-istallazzjonijiet ( inklużi arbli) tad-dawl mill-għeruq.

Bħalissa, qed jispikkaw ukoll l-evakwazzjonijiet tar-residenti mill-inħawi qrib il-kosta ta’ New Zealand, bl-istampa lokali tiżvela li madwar 15,000 dar spiċċaw mingħajr provvista tad-dawl.

Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-inħawi ta’ Auckland — li hi l-akbar belt ta’ New Zealand — żgiċċaw mill-agħar elementi taċ-ċiklun, almenu għalissa.