Lokali

FILMAT: Jaħarqulu l-armar kollu tal-Ġimgħa l-Kbira

Edward Calleja ħa l-qatgħa ta’ ħajtu meta billejl qam u sab l-armar tal-Ġimgħa l-Kbira maħruq kollu, fi Triq Birbal, Ħal Balzan.

“Għall-ewwel ħsibthom daħluli” qal Edward lil NET News, li spjega kif ta’ kull sena jarma kolonna barra l-bieb bi statwa ċkejkna tad-Duluri bil-korp ta’ Ġesù f’idejha u mżejna b’fjuri u tiżjin ieħor. Kienet din il-kolonna li ngħatat in-nar matul il-lejl li għadda.

Imma għalkemm il-kolonna tinsab barra, in-nar malajr infirex għat-tieqa li tagħti għal ġewwa, b’konsegwenza li n-nar ħalla l-effetti tiegħu anke fuq is-saqaf tal-ewwel sular u l-għamara ta’ ġewwa.

Edward spjega lil NET News li malli qam bil-lejl ħa l-qatgħa ta’ ħajtu x’ħin ra n-nar dieħel mit-tieqa. L-azzjoni pronta tiegħu b’pajp tal-ilma wasslet biex Edward rnexxielu jikkontrolla n-nar hu stess, qabel ma’ ġew membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Mistoqsi jekk jistax ikun li l-armar inħaraq b’aċċident, Edward qal li jiddubita. “Kelli żewġ biċċiet tiżjin tal-ħadid li dalgħodu ma sibthomx. Il-ħadid ma jiddewwibx, jiġifieri sinjal li ħadhom xi ħadd” temm jgħid Edward, f’indikazzjoni li n-nar tqabbad apposta.