Lokali

FILMAT: Ta’ tarbija sabulha tumur fil-kliewi; tama li jkollha ħajja aħjar – L-istorja ta’ Ella

Għada ssir il-maratona għal Puttinu Cares waqt il-programm Xarabank tal-Ġimgħa l-Kbira

Ella għandha tliet snin, u meta kellha sena u ftit xhur, it-tobba qalu lill-ġenituri tagħha li t-tifla kellha tumur fil-kliewi.

Ma’ NET News, Maureen u Olin, jirrakkuntaw dak li għaddew minnu fl-aħħar snin, ġurnata qabel maratona b’risq Puttinu Cares waqt il-programm Xarabank fil-Ġimgħa l-Kbira.

“X’ħin tawna l-aħbar il-Bambin qisu għalaqli widnejja” qaltilna omm iċ-ċkejkna. “X’ħin qalilna li għandha tumur, bdejt ngħid “it-tifla se tmut”” żiedet tgħid l-omm, b’ħarsa mbikkma. Bi qbil, missier it-tifla, Olin, qal li fil-mument li l-koppja rċeviet l-aħbar, id-dinja għalihom waqfet. “Dak il-ħin id-dinja waqfet. Ma konniex nafu minn fejn se nibdew u x’se naqbdu nagħmlu. Kien xokk kbir” qalilna.

Ella (ritratt: Xarabank)

Imma mal-ewwel feġġ raġġ ta’ dawl hekk kif Puttinu Cares kienu offrew l-għajnuna tagħhom biex il-familja ta’ Ella setgħet tmur l-Ingilterra għall-operazzjoni li matulha tneħħa t-tumur. Għalkemm illum it-tumur tneħħa, it-tifla xorta għadha qed tbati minn kundizzjoni rari, tant li għadha qed tirċievi t-trattament.

“Hija għafsa ta’ qalb għalina. In-nies jarawha tajba… għan-nies, it-tifla normali, imma fil-verità għadha qed tieħu trattament qawwi” qalilna missier iċ-ċkejkna.

Ella u l-ġenituri Olin u Maureen (ritratt: Xarabank)

Imma l-ġenituri ta’ Ella xorta jibqgħu grati lejn l-appoġġ li sabu, u li għadhom qed isibu, mingħand Puttinu Cares. “Għalina Puttinu Cares kien serħan il-moħħ f’ħin diffiċli li qatt ma bsarna li se ngħaddu minnu. Kont nara l-maratona ta’ Puttinu u ngħid f’qalbi “min jaf minn xiex jgħaddu dawk il-ġenituri u t-tfal tagħhom”” qalilna Olin. “Trid tkun ġos-sitwazzjoni”, kompliet l-omm, li appellat lill-pubbliku biex jgħin lil Puttinu Cares waqt il-maratona f’Xarabank.

“Nixtieq li t-tifla tkun bħal tfal oħra. Moħħi jgħidli li xi darba din tista’ sseħħ” temmet tgħid Maureen, omm iċ-ċkejkna Ella.

Il-maratona għal Puttinu Cares issir waqt il-programm Xarabank tal-Ġimgħa l-Kbira

Iċ-ċkejkna Ella