Lokali

Illejla eluf mistennija jipparteċipaw fil-mixja b’risq Puttinu Cares

Eluf fis-sigħat li ġejjin mistennija jipparteċipaw fil-mixja ta’ Puttinu Cares. Mixja ta’ 30 kilometru mill-Mellieħa sal-Isla.

Din is-sena wkoll, l-organizazzturi qed jistennew li eluf jimxu l-mixja għal Puttinu Cares, mill-Mellieħa sal-Isla. Il-mixja se ssir illejla- il-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira.

Wieħed mill-organizzaturi hu Joe Vella li propjament kien hu li 14-il sena ilu ħareġ bl-idea li tibda ssir din il-mixja.

Net News iltaqa’ ma Joe Vella u miegħu tkellimna x’wasslu biex beda jorganizza din il-mixja ma’ Puttinu Cares.

“Kont bdejt billi konna nagħmluha jien u r-raġel tat-tifla f’Ħamis ix-Xirka. Konna nibdew mill-Mellieħa biex nagħmlu l-seba’ visti u minn hemm nimxu minn Knisja għal oħra bil-mixi. Imbgħad aktar membri tal-familja komplew jingħaqdu magħna. Darba minnhom imbgħad kienu pparteċipaw xi ħaddiema tal-Freeport u ħaddiema ta’ kumpaniji u Assoċjazzjonijiet oħra. Minn hemm dejjem kompliet tikber biex illum nirringrazzjaw lill-Mulej jipparteċipaw mal-10,000 persuna u anke aktar”

Joe Vella spjegalna għalfejn il-mixja li tibda fis-sagħtejn ta’ filgħodu tibda mill-Mellieħa u tispiċċa l-Isla fuq distanza ta’ 30 kilometru. “ Tibda mill-Mellieħa għaliex jien peress li noqogħod il-Mellieħa u dejjem bdejta minn hemm biex żgur tkun mixja twila sal-Isla biex nasal sa fejn ir-redentur.”

Is-sena l-oħra ħadu sehem aktar minn 10,000 persuna iżda din is-sena hu mistenni li jagħmlu l-mixja ħafna aktar. Dawk li jipparteċipaw huma mitluba jagħmlu donazzjoni ta’ mill-anqas €10, kollox b’risq Puttinu Cares. Mal-wasla, il-parteċipanti kollha jingħataw ċertifikat ta’ attendenza, filwaqt li jkunu mistiedna jattendu għal Adorazzjoni li ssir fil-Knisja ta’ Marija Bambina fl-Isla.