Knisja Lokali

FILMAT: Il-Quddiesa tal-Griżma f’Jum Ħamis ix-Xirka

Hekk kif ninsabu fl-eqqel tal-Ġimgħa Mqaddsa li tfakkar il-passjoni u l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, illum il-Knisja Kattolika qed tfakkar Ħamis ix-Xirka.

Dalgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna iċċelebra l-Quddiesa taż-Żjut flimkien ma numru kbir ta’ saċerdoti.

Matul il-quddiesa is-saċerdoti ġeddew il-wegħdiet tal-ordinazzjon saċerdotali tagħhom u tbierku ż-żjut tal-morda u tal-katekumeni u kien ikkonsagrat iż-żejt tal-griżma. Dawn iż-żjut jintużaw fl-amministrazzjoni tas-sagramenti matul is-sena sa Ħamis ix-Xirka li jmiss.

Sadattant illejla issir it-tifkira solenni tal-aħħar ikla tal-Mulej li matulha l-Knisja tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija. Din iċ-ċelebrazzjoni jkun fiha erba’ taqsimiet li huma l-Liturġija tal-Kelma, il-Ħasil tar-Riġlejn, il-Liturġija tal-Ewkaristija u l-Purċissjoni għall-post tal-Adorazzjoni.

Matul din iċ-ċelebrazzjoni l-Arċisqof jaħsel riġlejn persuni li jirrappreżentaw lill-komunita’ nisranija, fosthom familja, persuna li kkonvertiet għall-fidi Kattolika, soru tal-Ursolini u djaknu.

Sadattant il-lejla u għada filgħodu fil-knejjes f’Malta u Għawdex ħafna nies jagħmlu dawk li tradizzjonalment jissejħu s-Seba’ Viżti. Isir talb u meditazzjoni dwar il-passjoni ta’ Kristu u anke purċissjonijiet qosra quddiem kull stazzjon tal-passjoni. Xi wħud iżuru seba knsejjes differenti u jagħmlu viżtra f’kull mwaħda. Tradizzjoni wkoll il-bejgħ tal-qagħaq tal-appostli barra l-Knejjes u fit-toroq madwar Malta u Għawdex.

Ħafna nies iżuru s-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi u li jkun mixgħul u jagħmlu talb u meditazzjoni.